Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri, nieda l-programm tal-Għid f’Għawdex, immirat għall-familja kollha. L-attivitajiet relatati mar-Randan, il-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir f’Għawdex se jibdew mill-Ġimgħa, l-1 ta’ Marzu, u jibqgħu sejrin sal-aħħar tax-xahar, proprju sal-Għid, li din is-sena se jaħbat ma’ Jum il-Ħelsien, il-31 ta’ Marzu.
“Nedejna l-programm. Arti, fidi u tradizzjonijiet, programm mimli attivitajiet kulturali li proprju se jibda mill-1 ta’ Marzu sal-aħħar tax-xahar. Programm li, fl-aħħar mill-aħħar, se jkun qiegħed jattira lejn il-gżira t’Għawdex diversi Maltin, diversi turisti wkoll tul dan iż-żmien fir-runup tal-Għid il-Kbir.”
Il-Ministru Camilleri esprima s-sodisfazzjon tiegħu u stqarr li l-għan hu li mhux biss jiġi attirat it-turiżmu matul dawn il-ġranet, iżda li jinżammu wkoll ħajjin u jissaħħu t-tradizzjonijiet u l-valuri li baqgħu jintirtu maż-żmien u dawk li jżuruna jkollhom l-opportunità jesperjenzawhom.
Filwaqt li rringrazzja lill-ħaddiema fi ħdan il-Ministeru, li jkunu għaddejjin b’ħidma ma taqtax biex għal darb’oħra jħejju programm ta’ ċelebrazzjonijiet xierqa f’dawn il-jiem sagri, il-Ministru qal li l-programm ta’ attivitajiet, imsejjaħ ‘L-Għid f’Għawdex’, jinkludi diversi funzjonijiet, purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira, għadd ta’ kunċerti ta’ mużika sagra, esibizzjonijiet tal-arti viżiva, iċ-ċelebrazzjonijiet bl-Istatwa tal-Irxoxt, kif ukoll attivitajiet għat-tfal, fost oħrajn.
Wieħed jista’ jikseb aktar informazzjoni minn fuq is-sit eventsingozo.com jew jidħol fuq https://issuu.com/visitgozo/docs/easter_in_gozo_2024 biex jaċċessa l-programm sħiħ.
“Dan hu wkoll wieħed mid-diversi programmi li nkunu qegħdin inniedu minn staġun għall-ieħor biex proprju nibqgħu nagħmlu lil Għawdex, ħaj mimli attività, li fl-aħħar mill-aħħar jagħti pjaċir lil dawk kollha li jżuruh.”