Minkejja li għadda xahar, Simon Busuttil għadu s’issa ma ppubblikax l-invoices foloz – qed jostor il-verità mill-Oppożizzjoni fuq invoices, aħseb u ara x’jagħmel jekk ikun fil-Gvern! Għadda xahar sħiħ ta’ gideb, falsità u ħabi.
Dawn innotawh il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Gino Cauchi u l-Ministru Owen Bonnici waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
Gino Cauchi fakkar li dan huwa skandlu li jibda u jispiċċa mal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Illum, xahar wara iridu nerġgħu ngħidu bl-aktar mod ċar: Simon Busuttil must come clean mingħajr aktar dewmien
Dan huwa Kap tal-Oppożizzjoni, fakkar Cauchi, li filwaqt li jitkellem fuq il-governanza tajba, trasparenza u onestà, imur jitlob lill-imprendituri jħallsulu l-pagi. Jitlob hu stess, ma jinqeda b’ħadd u dan għamlu b’omertà kbira anke minn uħud minn sħabu stess.
Biex jgħatti l-fatt li l-imprendidturi qed iħallsulu l-pagi, biex jgħatti l-fatt li qed jitlob u jilqa’ f’idejh id-donazzjonijiet, ħoloq sistema ta’ invoices foloz biex dawn id-donations jidhru daqs li kieku huma sempliċi transazzjoni kummerċjali.
Iżda hawn għandu problema kbira. Simon Busuttil li huwa falz, spiċċa bil-kelma tiegħu kontra kulħadd.
Il-Grupp DB jgħidu li huma m’għandhomx relazzjonijet kummerċjali u jisfidawh jgħidulu x’reklami kienu
It-teżorier, Alex Perici Calascione, u allura l-persuna legalment responsabbli jgħid li ma kienx jaf bihom
Il-Viċi Kap, Mario DeMarco l-id il-leminija tiegħu, jew suppost jgħid li dawn kienu sempliċi donazzjonijiet.
Storja fil-Maltatoday tgħid li l-invoices ħarġu fuq il-kumpanija Sky Gourmet li m’għandhomx bżonn reklami għax iqassmu bezzun fuq l-Air Malta
Ġino Cauchi qal li minkejja dan, huwa ċar li l-Kap tal-Oppożizzjoni ma jistax iwieġeb. Ma jistax iwieġeb għax propju dan l-iskandlu jibda u jispiċċa miegħu. Ħolqu hu u ħadd aktar.
Il-Ministru Bonnici innota li Busuttil qed jostor il-verità mill-Oppożizzjoni fuq invoices, aħseb u ara x’jagħmel jekk ikun fil-Gvern.
Il-fatt li qed jibqa’ jippersisti li ma jippublika xejn iqajjem suspetti kbar, sostna l-Ministru, li fakkar li Busuttil qed jikser il-liġi tal-finanzjament tal-Partiti.
“Il-ksur tal-liġi mhux qed ngħidu jiena biss, jew il-Partit Laburista iżda qed jgħidu wkoll id-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi Kevin Aquilina” żied jgħid il-Ministru.
Fakkar li fl-istess ħin li Simon Busuttil qiegħed jikser din il-liġi tal-finanzjament tal-Partiti, liġi li għaddiet bil-kunsens ukoll tal-Oppożizzjoni, liġi li fl-istess ħin li l-Gvern kien qiegħed wiċċ imb’wiċċ mal-Oppożizzjoni biex jaraw kif se jtejjbuha aktar, Busuttil kien qed jilqa’ d-donazzjonijiet.
Il-Minsitru fakkar li l-Organizzazzjoni ta’ Kontra l-Korruzzjoni fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa (GRECO) kellha kliem ta’ tifħir dwar numru ta’ liġijiet li għadda l-Gvern preżenti għal iktar trasparenza u għal iktar tisħiħ tal-istituzzjonijiet ewlenin, partikolarment fil-qasam tal-ġustizzja. Dan huwa ċertifikat ċar u b’saħħtu tal-bidla għall-aħjar li qed iġibu r-riformi li qed imexxi ’l quddiem dan il-Gvern.
Fosthom fuq il-liġi tal-finanzjament tal-Partiti fejn l-Organizzazzjoni Ewropea ta’ Kontra l-Korruzzjoni iddeskriviet d-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi fl-2016 bħala milestone u faħħret lill-Gvern talli ħa dan il-pass importanti biex tissaħħaħ it-trasparenza u l-kontabbiltà. Qalet li qabel ma daħlet fis-seħħ din ir-riforma kruċjali, ma kien hemm assolutament l-ebda trasparenza fejn jidħol il-finanzjament tal-partiti politiċi.
“Għal dan kif qed jirreaġixxi l-Kap tal-Oppożizzjoni?” staqsa Bonnici. “Qed jikser il-liġi.”
“Dik hija r-responsabbiltà li qed iġorr fuq spallejh. Minkejja li għadda xahar, Simon Busuttil għadu s’issa ma ppubblikax l-invoices foloz – qed jostor il-verità mill-Oppożizzjoni fuq invoices aħseb u ara x’jagħmel jekk ikun fil-Gvern” temm jgħid il-Ministru.