Xahar qabel pajjiżna jieħu f’idejh il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa, fl-14 ta’ Mejju, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ian Borg, ippreżenta l-prijoritajiet li se tmexxi fuqhom Malta f’dan il-perjodu.
Dawn huma l-protezzjoni tat-tfal, is-setgħa taż-żgħażagħ, il-ġlieda kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll l-appoġġ kontinwu tal-organizzazzjoni lejn Ukrajna.
Pajjiżna se jkun qed jieħu f’idejh l-Presidenza tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa għar-raba’ darba, b’mandat ta’ sitt xhur, hekk kif qed ifakkar is-60 anniversarju mis-sħubija f’dan il-forum internazzjonali.
Id-Deputat Prim Ministru spjega kif dan qed isir fi żminijiet bla preċedent, bħalma kien seħħ bil-mandat ta’ pajjżina fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Maqgħuda u l-Presidenza tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE.
“Waqt li ma nistgħux ninsew l-isfidi ġeopolitiċi li għaddejja minnhom mhux biss l-Ewropa, imma d-dinja, imma għandna prijoritajiet għal din il-Presidenza, li ovvjament huma ftit jew wisq il-pjaga ta’ kull komunità. L-ewwel nett il-protezzjoni tat-tfal, minn diversi forom ta’ abbużi – sesswali anke sfruttament li d-dinja diġitali qed iġġib magħha.”
Id-Deputat Prim Ministru, Ian Borg
Ir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Kunsill tal-Ewropa, l-Ambaxxatriċi Francesca Camilleri Vettiger, spjegat li l-programm tal-Presidenza Maltija se jinkludi għadd ta’ konferenzi ministerjali, kif ukoll konferenzi ta’ livell għoli, bħall-IDAHOT.
Minbarra hekk, pajjiżna se jospita laqgħat ta’ diversi kumitati tekniċi tal-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll l-Assemblea Parlamentari u l-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali.

Il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa għal din is-sena se tinkludi wkoll programm kulturali estensiv, b’mod partikolari fi Strasburgu, bl-involviment ta’ talent lokali u internazzjonali, b’Sean Buhagiar li se jkun id-direttur artistiku tal-programm li ngħata t-tema ‘Wieħed, Wieħed. Waħda, Waħda’.