Sa Mejju tas-sena d-dieħla qed nara li Malta u Għawdex ikunu f’normalita sħiħa, bil-COVID-19 tkun xi ħaġa tal-passat.
Iddikjara dan b’ton ta’ tama u pożittivita l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f’attivita politika l-Ħadd filgħodu, fejn saħaq ukoll kif pajjiżna mistenni jkun minn ta’ quddiem li jirkupra mill-effetti li ġabet magħha l-pandmija.
Spjega kif, “Sa Marzu rrid nara li l-ekonomija tagħna rkun irpiljat sew, sa Mejju rrid nara li nkunu business as usual u f’Mejju nitkellmu fuq il-Covid bħala xi ħaġa tal-passat. Irrid li Malta u Għawdex tagħna jkunu minn l-ewwel li jirkupra.”
Fl-indirizz tiegħu l-Prim Ministru Malti ħabbar li bars u każini li kellhom jagħlqu minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija, se jibdew jieħdu l-għajnuna fil-ħlasijiet tal-pagi għall-ħaddiema.
Qal kif, “Dawk il-bars u każini li ngħalqu fil-bidu ta’ Novembru b’avviż legali li daħal fil-bidu ta’ Novembru u li fetħu wara Marzu li allura ma kenux qed jirċievu l-wage supplement issa se jibdew jieħdu wkoll huma l-wage supplement mhux biss mil-lum imma b’effet mill-bidu ta’ Novembru.”
Dr. Abela tenna kif pajjizna sa’ xahar ieħor ikun bed it-triq lura lejn in-normalita anke għal fatt li se jkun minn tal-ewwel li jkollu l-vaċċin u biżżejjed dożi għal kulħadd.
Ma naqasx li jsemmi kif Jannar se jara wkoll it-tqassim tat-tieni sett tal-vouchers li se jkomplu jservu ta’ spalla għan-negozji Maltin u Għawdxin.
Sostna, “Se nisbħu b’Jannar bil-vaċċin f’idejna, se nisbħu b’Jannar b’ħamsin miljun ewro f’voucher x’inqasmu u x’jintefqu għand in-negozji, bars u stabbiliment. Ħsibna għas-saħħa voucher għan-nies ekonomija u benessere għan-nies.”
Il-Prim Ministru qal li dan kollu jista’ jsir grazzi għall-kooperazzjoni u s-sagrifiċċju tal-Poplu Malti, li mil-lewwel ġurnata fehem, mexa mar-regoli u ħasbu f’dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjeta.
Semma kif issa baqa’ l-aħħar sforz, fejn imbagħad Se nibdew b’vantaġġ kbir, vantaġġ ta’ pajjiż b’saħħtu u li baqa’ fuq saqajh.