Ix-xabla ta’ unur, li fis-sena 1800 ingħatat personalment minn Napuljun lill-Ammriall famuż Franċiż Denis Decrès, se tkun qed tiġi esebita għall-ewwel darba fil-Mużew Marittimu ta’ Malta waqt l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-‘Museums by Candlelight’.
‘Museums by Candlelight’, imtellgħa minn Heritage Malta flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Birgu, tistieden lill-pubbliku jesperjenza l-Mużew Marittimu, il-Palazz tal-Inkwiżitur u l-Forti Sant’Anġlu f’lejla speċjali.
Għaldaqstant, nhar is-Sibt li ġej, 10 ta’ Mejju, dawn is-siti se jkunu qed jilqgħu lill-viżitaturi bid-dwal tax-xemgħa u mużika live, f’ħinijiet estiżi, fejn dawn se jiftħu l-bibien tagħhom mis-7:00 ta’ filgħaxija u jibqgħu miftuħin sa nofsillejl.
Il-qofol tal-avveniment se tkun ix-xabla għad unur Denis Decrès, li ngħatatlu b’rikonoxximent għas-sehem tiegħu fl-imblokk tal-Franċiżi waqt li mexxa l-bastiment tal-gwerra Guillaume Tell.
ONE News tkellem mal-istoriku Ivan Cocker minn Heritage Malta, li tana iżjed tagħrif dwar din ix-xabla unika, li ġiet akkwistata minn Heritage Malta riċentament.
“L-istorja wara din ix-xabla għandha rabta kbira u konnessjoni ma’ Malta. Fil-fatt, ingħatat għall-valur tiegħu waqt li kien qiegħed jaħdem fuq il-bastiment u jipprova jaħrab Malta waqt l-imblokk. U dan il-bastiment inqabad ukoll mill-Ingliżi u wara ġie msemmi HMS Malta.”
Storiku, Ivan Cocker
Ta’ min jgħid li, wara dan l-avveniment fi tmiem il-ġimgħa, il-Mużew Marittimu se jkun qed jagħlaq għat-tieni fażi tal-proġett ta’ restawr fil-31 ta’ Mejju, b’aktar dettalji dwar dan jingħataw iżjed ’il quddiem.