Ueli Steck, xabbat leġġendarju mill-Isvizzera tilef ħajtu waqt li beda jipprepara biex jitla mal-muntanja Everest.
Steck, li kien magħruf bħala “Swiss Machine”, miet f’aċċident waqt li kien qed jipprepara lilu nnifsu biex jidra l-klima diffiċli li jkun hemm fuq il-muntanja mingħajr ossiġnu, permezz ta’ rotta ġdida.
Ix-xabbat, li kellu biss 40 sena, rebaħ għadd ta’ premju u kien magħruf ferm għall-aġiltà tiegħu meta jiġi biex jitla’ fuq muntanja.
Steck kien qed jipprepara biex jitla l-muntanja Everest permezz tar-rotta bl-isem ta’ West Ridge, rotta li hi magħrufa li kkawżat aktar mwiet milli operazzjonijiet ta’ suċċess.
Qed jingħad li x-xabbat kien waħdu meta miet, dan minħabba li x-xabbat li kien miegħu kellu jittieħed l-isptar kawża ta’ xi ġrieħi li ġarrab minħabba l-kesħa kbira li kein hemm.
Kien bosta li wrew id-dispjaċir tagħhom għat telfa ta’ dan il-leġġendarju, iżda fl-istess waqt kitbu li din hi lezzjoni li għalkemm wieħed ikun jaf ħafna jew hu mħarreġ sew, xorta waħda dawn l-inċidenti jistgħu jiġru.
Is-sena l-oħra Steck sab il-katavri ta’ żewġ xabbata li kienu ilhom neqsin madwar 16-il sena fit-Tibet wara li nqatlu b’valanga.