L-Erbgħa filgħaxija, l-uffiċju tal-midja fi ħdan is-Santa Sede tal-Vatikan, kif kien wiegħed ħareġ rapport kliniku dwar il-qagħda ta’ saħħet il-Papa li ilu rikoverat fl-Isptar Gemelli ta’ Ruma mill-14 ta’ Frar meta kien iddaħħal isofri minn pnewmonja bilaterali u bronkite.
Huma qalu li mill-X Rays, li ttieħdulu lbieraħ, kien ikkonfermat li f’dawn l-aħħar jiem kien hemm titjieb fil-kundizzjoni klinika tiegħu. Huwa qed ikun suġġett għat-terapija bl-ossiġnu matul il-jum u ventilazzjoni mhux mekkanizzata matul l-irqad bil-lejl.
Bħalma għamel sa minn nhar il-Ħadd, l-Erbgħa ngħaqad virtwalment mas-Sala Pawlu VI sabiex segwa l-Eżerċizzji Spiritwali tar-Randan, tqarben u ddedika ħin għat-talb filwaqt li kompla bit-terapija fiżika.
Sadanittant, kien propju bħal-lum tnax-il sena ilu li l-Arċisqof ta’ Buenos Aires Jorge Mario Bergoglio kien ġie elett Papa u ħa l-isem ta’ Franġisku l-Ewwel. Huwa kien issuċċeda lil Papa Benedettu XVI wara li kien irriżenja.
Matul dawn it-tnax-il sena bħala Kap tal-Knisja Kattolika, Papa Franġisku dejjem wassal messaġġ ta’ kompassjoni u paċi, irriforma l-governanza fil-Vatikan u ħa azzjoni fuq l-abbużi fuq it-tfal li twettqu matul is-snin minn nies fi ħdan il-knisja.