Ir-Wrestler ġappuniż ta’ fama mondjali Tajiri jinsab f’pajjiżna biex propju llejla jagħti spettaklu liema bħalu fil-‘Palace Theatre’ f’Raħal Ġdid f’dak li qed jissejjaħ ‘Green Mist’.
Din hija r-raba’ edizzjoni ta’ dan l-avveniment f’pajjiżna fejn għadd ta’ wrestlers Maltin jikkompetu bejniethom flimkien ma’ oħrajn barranin.
Is-Sur Gianni Valletta wieħed mill-organizzaturi spjega li minkejja li din hi r-raba’ edizzjoni ta’ ‘Pro Wrestling Malta’, l-edizzjoni ta’ din id-darba hi l-akbar waħda.
“Dan huwa l-ikbar event li qatt kellna jiġifieri għandna l-ikbar numru ta’ atleti kemm Maltin u anke barranin, li ġejjin minn ħames pajjiżi differenti apparti Malta u għandna l-leġenda Tajiri li se tikkompeti wkoll.” Qal Valletta.
Valletta kompla jispjega, “Għandna pjanati sitt konfronti ivarjaw bejn tac teams jiġifieri tnejn kontra tnejn u single matches wieħed kontra wieħed. Il-main event li se tkun għat-titlu ta’ Pro Wrestling Malta ħa jkunu tliet kompetituri ġudikanti ta’ xulxin. Hemm ukoll it-titli tal-koppji on the line, tnejn kontra t-tnejn.”
Valletta, spjega wkoll li dan hu aktar speċjali għax se jikkompeti wieħed mill-akbar atleti tad-dinja.
“Tajiri apparti li huwa isem kbir fix-xena Ġappuniża huwa isem kbir fix-xena nternazzjonali, għamel snin twal fit-WWE fejn rebaħ ammonti ta’ ċintorini u huwa magħruf ħafna fix-xena tar-wrestling.” Ikkonkluda Valletta.