Il-Fakultà tal-Liġi u l-Fakultà tal-ICT fl-Università ta’ Malta qed iħejju għall-konklużjoni tal-proġett ‘Artificial Intelligence in the Maltese Justice System’.
Attendew għal dan il-workshop il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard u s-Segretarju Parlamentari responsabbli mir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti.
Dawn il-workshops qed isiru bl-għajnuna finanzjarja ta’ Xjenza Malta u bl-appoġġ kontinwu tal-Ministeru għall-Ġustizzja.
Dan il-proġett jiffoka fuq kif l-intelliġenza artifiċjali tista’ sservi ta’ għodda ta’ appoġġ fil-proċessi ġudizzjarji, b’mod partikolari fil-Qorti tat-Talbiet Żgħar.
Dan il-proġett jikkonferma wkoll l-impenn tal-Gvern fil-manifest li jirrikonoxxi li l-intelliġenza artifiċjali tista’ tintuża fil-Qrati billi tiġbor informazzjoni fuq każijiet simili u sentenzi tagħhom.
Dwar dan ikkummenta l-Ministru Jonathan Attard.
“Din l-ewwel fażi ta’ dan il-proġett li sar min-naħa tal-Fakultà tal-Liġi u l-Fakultà tal-ICT jirrifletti wkoll l-impenn ta’ dan il-Gvern li nħarsu lejn l-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali, dik li hja riċerka u analiżi ta’ sentenzi fis-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna.”
Il-Ministru Jonathan Attard
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti qal li b’din l-inizjattiva, pajjiżna qed jikkonferma l-impenn tiegħu f’din it-teknoloġija.
“Xjenza Malta kienet strumentali fejn iffinanzjat proġett importanti ħafna bejn id-dipartiment tal-istess intelliġenza artifiċjali kif ukoll il-Fakultà tal-Liġi li jirrigwarda proġett importanti ħafna fejn jidħol it-tribunal għat-Talbiet iż-Żgħar.”
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti
