Permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (l-MCST) u l-EURISY, għaqda tal-aġenzija spazjali, ġie organizzat workshop dwar l-ispazju.
L-għan aħħari ta’ dan l-avveniment huwa l-promozzjoni tal-użu ta’ informazzjoni miġbura mill-ispazju sabiex tintuża f’diversi proġetti.
Il-proġetti jvarjaw; minn dawk relatati mal-klima u l-ilma, għal oħrajn li janalizzaw kif din l-informazzjoni tista’ tintuża minn entitajiet differenti.
Ġew preżentati wkoll proġetti pilota li juru kif l-informazzjoni miġbura tista’ tiġi aċċessata.
Waqt il-workshop bil-parteċipazzjoni ta’ entitajiet Maltin u Internazzjonali, fosthom l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u l-European Association of Remote Sensing Companies, ġie ppreżentat ix-xogħol tagħhom dwar ix-xjenza tal-Osservazzjoni mis-Satelliti.
Fid-diskors tiegħu waqt il-workshop, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti, qal li permezz tal-ftehim ta’ kooperazzjoni mal-Aġenzija Spazjali Ewropea, sas-sena d-dieħla pajjiżna se jingħaqad fi pjan ta’ kollaborazzjoni ma’ pajjiżi Ewropej sabiex ikomplu jinħolqu opportunitajiet ġodda.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MCST, Silvio Scerri stqarr li ħafna mill-attivitajiet ta’ kuljum jiddependu fuq il-konnettività tas-satellita u l-informazzjoni li toħroġ minnha, tista’ twassal għal diversi benefiċċji fosthom ambjentali u ekonomiċi.
L-avveniment serva wkoll ta’ opportunità għal netwerking u aktar kollaborazzjoni bejn organizzazzjonijiet lokali u internazzjonali f’ dan il-qasam.