Fis-sitta ta’ filgħaxija ngħata bidu għall-ewwel workshop, organizzat mill-Partit Laburista fl-MCAST ta’ Raħal Ġdid bl-isem ta’ ‘Malta ta’ Ħiliet’, bil-għan li jindika t-triq kif ikompli jissaħħaħ l-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna.
Dan qed isir fi sfond ta’ diversi attivitajiet skedati fl-okkażjoni tal-Konferenza Ġenerali bit-tema ‘Insaħħu Malta Tagħna’.
Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, jinsab fost in-nies preżenti u se jkun qed jagħti l-indirizz tiegħu fi tmiem ta’ dan il-workshop pubbliku.
F’din id-diskussjoni qed jipparteċipaw mhux biss id-delegati u l-amministrazzjoni tal-Partit Laburista, iżda numru ta’ ħaddiema minn oqsma differenti, fosthom il-Kap Eżekuttiv tal-MCAST, letturi, ekonomisti u avukati.
Fost il-kelliema, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, qal li Malta qatt ma kellha kwalità ta’ ħajja tajba daqskemm għandha llum u l-prinċipju tal-Partit Laburista jibqa’ li kull persuna fis-soċjetà tagħna tkun tgħix ħajja sana.
Il-qofol tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista se jintlaħaq nhar il-Ħadd li ġej, 8 ta’ Ottubru, b’diskors tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, il-Belt Valletta.