Jean Paul Woods, li huwa s-suspettat bil-qtil ta’ Charlene Farrugia li għebet ħdax–il sena ilu, prova jġiegħel il-pulizija joqtluh.
Żvelat dan il-gazzetta KullĦadd li qalet li dan seta’ kien l-ewwel suicide by cop f’pajjiżna.
Suicide by cop huwa meta bniedem fil-kustodja tal-pulizija jaġixxi b’mod li jwassal biex il-pulizija tkun kostretta tispara fuqu u eventwalment toqtlu.
Woods prova jagħmel dan meta ftit tal-ġimgħat ilu nqabad fil-fatt iwettaq hold up f’ħanut fil-Gżira fejn eventwalment kien arrestat.
Il-gazzetta ppubblikat ritratti li juru kif bil-pulizija wara l-bieb tal-ħanut u b’sikkina f’idu, dakinhar Woods tela’ fuq il-bank jipprovoka lil pulizija tar-Rapid Intervention Unit.
Kien hemm mumenti fejn deher iċaqlaq ġismu daqs li kieku kien qiegħed jiżfen.
Iżda, il-pulizija reaġixxiet bil-kalma kollha u filwaqt li assigurat li ħadd mill-persuni li kien hemm ma weġġa’ stenniet il-mument opportun biex tati l-assalt għal fuq Woods li kien arrestat.
Dwar il-każ tal-hold up fil-Gżira Woods weħel seba’ snin priġunerija li bħalissa qed jiskonta fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Iżda, waqt li kien qed jinżamm Mount Carmel tkellem dwar kif kien hu li ħdax–il sena ilu qatel lil Charlene Farrugia u ħbieha f’post il-Belt Valletta.
Fdalijiet tagħha nstabu ftit sigħat wara li l-allegat qattiel tkellem dwar dak li seħħ.
Il-KullĦadd irrapportat kif fl-aħħar jiem l-investigaturi bdew jistabilixxu xi ftit iktar il-fatti ta’ x’seta’ ġara f’Novembru tal-2008 meta Farrugia għebet, bl-għibien tagħha jibqa’ misteru għal ħafna snin.
Jirriżulta li Jean Paul Woods qatt ma kien interrogat mill-pulizija fi żmien meta Farrugia għebet.
Imkejjen viċin l-investigazzjoni kienu kwotati jgħidu li waħda mir-raġunijiet għal dan kien il-fatt li jidher li hi qatt ma kienet is-sieħba ta’ Woods.
Is-suspett tal-investigaturi hi li s-sieħeb veru tagħha kellu jiġbor xi flus mingħand dan Woods. Wara li s-sieħeb tagħha kien intbagħat il-ħabs kienet hi li provat tiġborlu dawn il-flus bl-ammont li ssemma tul l-investigazzjoni jkun dak ta’ €200.
Jirriżulta li darba minnhom Woods qal lil Farrugia biex tmur l-appartament tiegħu.
Naturalment, taha l-idea li se tkun tista’ tiġbor dawn il-flus, iżda minflok ħadet il-€200, Woods ħadilha ħajjitha.
L-investigaturi qed jistennew ukoll ir-riżultati tad-DNA li saru fuq il-katavru bil-għan li jkun hemm iċ-ċertezza legali wkoll li l-katavru huwa ta’ Farrugia.
Fl-istess ħin għadhom qed jistabilixxu jekk dakinhar tal-qtil Woods kienx waħdu jew le. Jidher li l-allegat qattiel qed isostni li ma kien akkumpanjat minn ħadd meta ta daqqa ta’ sikkina lil Farrugia biex temmilha ħajjitha.