Dawn in-Nazzjonalisti ħelwin. ‘With all modesty’ qalulna. Kemm huma nies umli Simon Busuttil u sħabu! Tismagħhom jitkellmu taħseb li d-dinja iddur madwarhom.
Kelliem għall-Oppożizzjoni tkellem ma ġurnal lokali fejn qal li l-Gvern għandu jilqa’ t-talba tal-Partit Nazzjonalista biex jassistih fin-negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit. Qal li dan għandu jsir peress li għandhom l-esperjenza u l-kredibilità fl-Unjoni Ewropea. Iva mela, obdu għax tkellem l-oraklu!
Kif tista’ tafda lill-Oppożizzjoni meta kienet minn ta’ quddiem biex ixxejjen lill-pajjiżna fl-istituzzjonijiet Ewropej? Kif tista’ tafdaha meta kienet l-Oppozizzjoni stess li ħadmet kontra l-introduzzjoni tal-IIP f’Malta, izda kienet siekta meta kien hemm skemi simili ta’ pajjiżi ohra? Kif tista’ tilqa’ l-id tal-ħbiberija meta tefgħet id-dubji fuq il-powerstation il-ġdida? Biex ma ninsewx in-nuqqas ta’ sapport ċar fil-konfront ta’ Toni Abela (li torganizza l-laqgħat mhuwiex sapport) u t-theddid lejn Leo Brincat. Dan biex insemmu ftit mill-affarijiet li ħargu fil-media lokali.
Il-priorità tal-Gvern għandha tkun li jibqa’ iffukat fuq il-ħidma għall-ġid tal-pajjiż fid-dawl tar-realtà li laqtet lill-membri tal-UE – il-Brexit. Huwa essenzjali li l-Gvern jikkonsulta mal-istakeholders u jieħu pariri mingħand esperti ġenwini, iżda qatt m’għandu jitlaq t-tmun minn idejh. Id-direzzjoni trid tibqa’ f’idejn il-Prim Ministru.