Wirt iż-Żejtun irrikonoxxiet b’sodisfazzjon id-dikjarazzjoni li għamel il-Prim Ministru Robert Abela fil-jiem li għaddew dwar żona agrikola fil-Qasam Industrijali ta’ Bulebel.
L-għaqda mhux governattiva esprimiet dan fi stqarrija fejn irreferiet għall-kampanja li kienet bdiet hi ftit tas-snin ilu biex din iż-żona tibqa’ mhux mittiefsa u tiġi salvata minn iżjed żvilupp industrijali, anke jekk l-art tinsab fiż-żona ta’ żvilupp.
Il-Prim Ministru ħabbar dan f’Marsaxlokk waqt attività tal-Partit Laburista, bħala parti mill-kampanja elettorali ‘Is-Saħħa lill-Maltin’ għall-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju li ġej. Hawn Robert Abella nsista li, meta nitkellmu dwar l-ambjent, m’għandniex nibżgħu nkunu kuraġġjużi.
Kien hawnhekk li, fost affarijiet oħra, ħabbar il-ħidma tal-Gvern biex ikun assigurat li art agrikola, li tinsab fil-qalba ta’ Bulebel, ma tiġix żviluppata.
“Illum ninsab f’pożizzjoni li nikkonferma li l-pjan lokali għal dak li jolqtot iż-Żona Industrijali ta’ Bulebel se jkun qed jiġi modifikat biex wieħed jiżgura darba għal dejjem li mhux se jkun hemm żvilupp hemmhekk li jolqot art agrikola. L-art agrikola, kienet art agrikola, kienet raba’ u hekk se tibqa’.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Fl-istqarrija tagħha, Wirt iż-Żejtun esprimiet li tistenna b’ħeġġa biex fil-jiem li ġejjin issegwi l-istruzzjoni mill-Gvern lill-Awtorità tal-Ippjanar biex jiskatta dan il-proċess.
L-għaqda temmet tgħid li tħares ’il quddiem b’ħerqa li dan ir-raba’ jkun salvat minn żvilupp darba għal dejjem biex b’hekk iż-Żwieten u l-komunitajiet tal-madwar ikomplu jgawdu minn dan l-ispazju miftuħ.