Ix-Xjenza fil-Belt 2016 se tkun qed tesplora l-moħħ uman bl-emozzjonijiet, is-sensi u l-proċessi tal-ħsibijiet kollha tiegħu. Is-sbuħija, il-funzjonijiet u l-kumplessità xjentifika tal-moħħ se jintwerew fl-installazzjonijiet artistiċi, fil-wirjiet, fit-teatru u permezz tad-diskussjonijiet li se jittellgħu ma’ newroxjentisti, nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Settembru, il-Belt Valletta. L-attivitajiet jibdew fis-6pm u jibqgħu sejrin sa nofsillejl.
Fuq il-palk, fl-imsejħa Brain Square, fi Pjazza San Ġorġ, Dorian Cassar se jippreżenta programm li jiffoka fuq il-moħħ b’mużika u taħditiet minn newroxjentisti u newrokirurgi ewlenin. L-ewwel taħdita se tkun ta’ Dr Christian Zammit u l-Prof. Mario Valentino. Dawn se jiddiskutu l-puplesija u l-moħħ 3D tagħna. Dr Charles Scerri se jagħti taħdita bil-Malti bl-isem “Meta l-moħħ jitlef ħinu”. Dr Ludvic Zrinzo se jitkellem dwar “L-imħuħ u s-setgħat ta’ ta’ tbassir tagħhom” u l-Professur Giuseppe Di Giovanni se jagħlaq b’taħdita “Mill-marijuana għad-dipressjoni”. Il-pjazza se tkun mimlija b’diversi attivitajiet interattivi u divertenti li ma tistax titlifhom.
Fil-Mużew tal-Posta ta’ Malta (fi Triq l-Arċisqof), il-viżitaturi jistgħu jaraw preżentazzjoni bbażata fuq is-sensi permezz ta’ wirja ta’ esperimenti bl-isem “(In) Viżibbli” li se tittella’ mill-USPA (University Students of Performing Arts Association). Din se tkun wirja kollettiva ta’ artisti mit-tliet dipartimenti tal-arti performattiva tal-Università ta’ Malta: it-Teatru, il-Mużika u ż-Żfin. Filwaqt li l-astronomi u dawk li jħobbu l-istilel jistgħu jingħaqdu mal-Youth for the Environment u ma’ Kids in Orbit, biex iħarsu lejn l-istilel u l-pjaneti minn fuq il-bejt tal-Mużew tal-Posta ta’ Malta.
Id-dibattiti kontroversjali mtellgħin mill-Għaqda tal-Istudenti tal-Liġi u l-INSITE se jittrattaw ftit mill-aspetti importanti tax-xjenza. Se jkun hemm erba’ dibattiti kull siegħa, bejn is-7pm u l-10pm, fil-bini tal-Librerija Nazzjonali (Pjazza Reġina). Id-dibattiti se jmissu l-aspetti tal-IVF, l-ewtanasja, id-donazzjoni tal-organi u l-mard mentali.
Moħħna jgħaqqad, b’mod kurjuż, il-ħars, is-smigħ u l-lingwa biex ninnegozjaw l-ambjent tagħna ta’ kuljum. Fi Pjazza Reġina (wara l-kafetteriji) il-lingwisti u x-xjentisti se jagħmlu ftit esperimenti eċitanti u logħob interattiv. Il-proġett msemmi Mind Games se jkun hemm ukoll installazzjoni tal-arti viżiva li se turi kif il-ħars jista’ jaffettwa s-smigħ. Din hi magħrufa bħala l-effett McGurk. Dan il-proġett qed isir b’kollaboarzzjoni bejn il-Fakultà tal-Media u x-Xjenzi tal-Għarfien u l-Istitut tal-Lingwistika fl-Università ta’ Malta.
Aktar logħob relatat mal-moħħ se jsir fl-istand tal-WasteServ fi Triq l-Ordinanza. Il-WasteServ se turina x-xjenza involuta fil-proċess tar-riċiklar. Qribha se jkun hemm ukoll zona dwar il-moħħ interattiv li fiha newrologi u newroxjentisti, kif ukoll inġiniera bijomediċi Maltin se jagħmlu esperimenti u jitkellmu fuq l-aħħar riċerka tagħhom. F’din l-istand se jkun hemm ukoll software interessanti, li jinkludu app li titraċċa l-ħarsa tal-għajnejn, robot ikkontrollat mill-moħħ, u applikazzjoni li biha tista’ tittajpja b’għajnejk stess!
Fuq it-tema tal-moħħ imma kemmxejn komika, il-kummidjant Malcolm Galea se jippreżenta Haha…Boom! – Stand Up meets Science…in the City! f’The Pub (Triq l-Arċisqof). Din se tkun serata ispirata mix-xjenza, li ddur mat-tema tal-moħħ affaxxinanti tagħna (minkejja l-ġenetika). Dan il-kunċett hu ispirat minn Bright Club fl-Ingilterra.
Il-Festival Science in the City joffri festa ta’ xjenza, esperimenti, wirjiet teatrali, splużjonijiet u ħafna aktar. Matulu, aktar minn 300 belt fl-Ewropa jingħaqdu biex jonoraw lix-xjentisti li jgħinu biex ħajjitna tkun ferm aktar komda. F’Malta, il-festival hu organizzat mill-Università ta’ Malta, il-Malta Chamber of Scientists, il-Fond tar-Riċerka tal-Università (RIDT) u msieħba oħra.