Beppe Grillo huwa ċ-champion nazzjonali tal-100m meta b’ħin ta’ 10.46s, rekord għal dawn il-kampjonati, temm quddiem Luke Bezzina, b’ħin ta’ 10.81. Grillo kkonferma l-pożizzjoni ta’ supremazija fl-isprint Malti meta għaqqad doppjetta fil-200m, b’rebħa oħra f’ħin ta’ 21.35s reġa’ temm quddiem Luke Bezzina (22.15).
Il-Kampjonati Nazzjonali tal-Atletika, organizzati minn Athletics Malta, kienu organizzati fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, b’aktar minn 160 atleta jieħdu sehem.
F’waħda mill-isbaħ tlielaq li kellna f’dawn il-kampjonati, fil-100 metru nisa rebħa għal Claire Azzopardi (11.77s), f’taqtiegħa mill-isbaħ ma’ Charlotte Wingfield (11.79s), bi prestazzjoni eċċellenti ukoll għaż-żagħżugħa Thea Parnis Coleiro, li b’ħin ta’ 12.06s mhux biss kisbet it-tielet post iżda wkoll rekord nazzjonali għall-kategoriji ta’ taħt it-18 u l-20 sena.
L-istess Wingfield xorta kellha s-sodisfazzjon li titla’ fuq l-ogħla tarġa tal-podju f’dawn il-Kampjonati meta ddominat il-200m tan-nisa b’rebħa ta’ 23.88s.
Fit-800, wirjiet konvinċinenti għal Jared Micallef u Gina McNamara, biż-żewġ atleti, friski minn midalji tad-deheb għal Malta fil-Kampjonat tal-Pajjiżi ż-Żgħar jirbħu b’ħinijiet ta’ 1:48.69 u 2:14.26 rispettivament.
Rekord ieħor tal-Kampjonati kien stabbilit minn Luke Micallef, meta fit-3000m steeplechase temm fl-ewwel post b’9:05.4, bl-atleta jirreġistra doppjetta meta rebaħ ukoll it-3000 metru f’ħin ta’ 8:23.61 quddiem Gabriel Farrugia (8:36.93). F’din t-tellieqa, ta’ min jirrimarka l-prestazzjoni ta’ Isaac Luke Scicluna, li b’ħin ta’ 9:10.92 kellu l-aqwa ħin qatt reġistrat fost atleti taħt is-16-il sena. Fil-5000 metru, Dillon Cassar jikkonferma t-titlu b’rebħa quddiem l-istess Micallef. Fl-itwal tellieqa tal-Kampjonat Nazzjonali, Charlton Debono jirbaħ it-titlu tal-10,000 metru għas-seba’ darba b’ħin ta’ 32:44.31.
Fit-tfigħ Bradley Mifsud, jikkonferma d-dominanza tiegħu fid-discus b’rebħa ta’ 56.26m, rekord ieħor tal-Kampjonati. Il-long jump attira wkoll numru sabiħ ta’ atleti, fejn fost l-irġiel, Romeo Flavio (6.75m) jirreġistra l-aqwa qabża personali biex jissorprendi lill-Ian Paul Grech li temm it-tieni b’6.72m. Fost it-tfajliet, rebħa għal Rachela Pace b’5.95m. Fil-pole vault, Nicolai Bonello kellu l-aqwa qabża ta’ 4.70, biex huwa niżżel rekord tal-kampjonati wkoll f’ismu wara staġun imżewwaq b’rekords nazzjonali għalih.