Tliet boxers maltin għamlu unur lil Malta f’tournament prestiġjuż taħt ir-regoli tal-Olimpjadi fi Trieste fl-Italja. Jake Gomez Blanco, Logan Galea, u Kayzen Mifsud kisbu riżultati tajbin b’żewġ rebħiet u telfa bil-punti.
Il-boxers kienu taħt il-gwida tal-Malta Boxing Federation (MBF) u s-superviżjoni ta’ Master Noel Mercieca kif ukoll l-assistent coach James Busuttil. It-tliet boxers maltin minn żewġ klabbs lokali, Team Noel klabb u Fight Factory kisbu dan is-suċċess enormi fuq livell personali, għall-klabbs rispettivi tagħhom, kif ukoll għall-pajjiżna.
Min Team Noel klabb, b’wirja impressjonanti Jake Gomez Blanco b’Knock Out fl-ewwel round għeleb lill-avversarju tiegħu fi ġlieda ta’tliet rounds.
Intant Logan Galea, student ieħor mill-klabb Team Noel, fi ġlieda kontra l-ġellied mill-Italja b’aktar esperjenza fir-ring tilef bil-punti wara ġlieda bilanċjata ta’ tliet rounds ukoll.
Min-naħa tiegħu Kayzen Mifsud, mill-klabb tal-Fight Factory u mmexxi mill-boxer rinomat Steve Martin, b’wirja mill-isbaħ irnexxielu wkoll jegħleb lill-avversarju tiegħu b’Knock Out fl-ewwel round minn tlieta.
Sodisfazzjon minn Master Noel Mercieca bil-wirjiet tat-tliet atleti tal-boxing u bil-kisbiet li għamlu. Huwa rringrazzja lill-Malta Boxing Federation tal-opportunita lil dawn il-boxers sabiex jikkompetu f’tournament tant prestiġjuż li jiġi organizzat darba biss fis-sena u jikkonsisti f’għaxar ġlidiet.


