Kisba eċċezjonali għall-Weightlifters Maltin fil-Kampjonat tan-Nazzjonijiet Żgħar Ewropej li sar il-Lussemburgu.
L-aktar li spikkat għal Malta, kienet Tenishia Thornton, bir-rebħ kemm fil-kategorija Żgħazagħ u tal-Kbar, b’total impressjonanti ta’ 258 punt . Thornton kellha wirja spettakolari fejn refgħet b’suċċess sitta minn sitta u għamlet il-kompetizzjoni bi Snatch ta’ 86kg u Clean & Jerk ta’ 107kg. Hi kissret ukoll rekord nazzjonali permezz tat-total ta’ 193 kilo. Fil-kategorija tal-kbar, hija kienet segwita mil-Lussemburgu, bl-Iżlanda tikseb it-tielet pożizzjoni.
Rylee Borg ukoll kiseb riżultat eċċezzjonali, fejn rebaħh it-titlu tal-aqwa żagħzigħ billi għolla 113kg fl-Isnatch (rekord Nazzjonali ġdid) u għalaq b’Clean & Jerk ta’ 141kg, hu kiseb total ta’ 323 punt. L-Iżlanda kisbet it-tieni post, segwita minn Ċipru.
Kim Camilleri Lagana kellha prestazzjoni impressjonanti oħra fejn kisbet it-2 pożizzjoni fil-kategorija tal-Juniors, b’refghat ta’ 56kg fl-Isnatch u 75kg fil-Clean & Jerk, hi kisbet total ta’ 220 punt. L-Iżlanda ħadet it-tielet pożizzjoni.
Rylee Borg u Kim Camilleri Lagana ddominaw ukoll fil-kategorija tad-doubles żgħażagħ b’punteġġ impressjonanti ta’ 543 punt, bl-Iżlanda u Ċipru fit-tieni u t-tielet post rispettivament.
Anton Micallef u Shaun Ciantar kisbu t-3 pożizzjoni fil-kategorija tad-doubles maskili. Ċipru kisbu l-1 post, segwiti mill-Iżlanda. Micallef tella’ 114kg Snatch u 140 C&J, u kiseb 322 punt. Ciantar għolla 115kg Snatch u 140 C&J, u kiseb 303 punt.
Sfortunatament, Roberta Tabone iffaċċjat sfidi fl-iSnatch, iżda madankollu wriet reżiljenza fil-Clean & Jerk, u refghet 101kg.
It-trio ta’ kowċis magħmul minn Jesmond Caruana, Rodmar Pulis, u Matthew Camilleri kien ta gwida imprezzabbli għat-tim Malti matul il-kompetizzjoni.
Din il-kompetizzjoni kienet possibli grazzi ghal-Kumitat Olimpiku Malti u SportMalta