“B’turija ta’ ġieħ lill-poplu qalbieni tagħha, jiena nagħti l-George Cross lill-gżira fortizza ta’ Malta bħala xhieda ta’ erojiżmu u dedikazzjoni li għad jibqgħu jissemmew fl-istorja.”
Dan kien il-messaġġ, bid-data tal-15 ta’ April 1942, li ntbagħat lil Sir William Dobbie, Gvernatur ta’ Malta, mir-Re Ġorġ VI. Kif qal il-Gvernatur dik il-lejla stess f’diskors lin-nazzjon, din kienet l-ewwel darba li unur ta’ din ix-xorta ngħata lil komunità mill-kap tal-monarkija Brittanika.
Heritage Malta se tfakkar it-80 anniversarju mill-għoti tal-George Cross lil Malta permezz ta’ jum mimli attivitajiet fil-Forti Sant’Iermu u l-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra nhar il-Ħadd 24 ta’ April.
L-attivitajiet jinkludu tours gwidati mmexxijin minn kuraturi, re-enactments, esebizzjoni ta’ vetturi militari u, jekk it-temp jippermetti, wirja qasira fl-ajru minn ajruplan tat-tip De Havilland Tiger Moth.
Jikkumplimenta dan kollu se jkun hemm roħs fil-prezz normali għad-dħul fil-Forti Sant’Iermu.
Il-kuratur tal-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra se jagħti żewġ taħditiet dwar il-Memorjal li nfetaħ ftit xhur ilu bħala parti minn dan il-mużew. L-ewwel taħdita tibda fl-10.00am filwaqt li t-tieni waħda se tkun fit-3.00pm.
Fis-2.00pm huwa se jdawwar lil dawk interessati mat-taqsimiet iddedikati lit-Tieni Gwerra Dinjija fl-istess mużew. Tour ieħor, immexxi mill-kuratur tal-Forti Sant’Iermu, se jiffoka fuq il-Forti Sant’Iermu fi Żmien l-Ingliżi u jibda fil-11.00am.
Id-dilettanti tal-ajruplani se jgawdu wirja kkordinata mill-Mużew tal-Avjazzjoni ta’ Malta bejn is-1.45 u s-2.00pm, meta l-ajruplan De Havilland Tiger Moth jittajjar fil-baxx fuq il-Forti Sant’Iermu.
Matul il-jum se jsiru wkoll diversi re-enactments minn membri tal-Battlefront Living History Group, li se jippreżentaw xenarji ta’ żarmar ta’ bombi, jagħmlu drills u jagħtu wirjiet bl-armi, fost oħrajn.
Dawn se jikkumplimentaw esebizzjoni ta’ vetturi militari li se tittella’ bil-kollaborazzjoni tal-Military Vehicles Collectors Club Malta. Il-viżitaturi se jkunu jistgħu jixtru ikel u xorb minn Piazza d’Armi, fil-Forti Sant’Iermu.
Il-forti se jkun miftuħ mid-9.00am sal-5.00pm, bl-aħħar dħul fl-4.30pm.
Il-biljetti jinxtraw biss mill-bieb. Il-prezzijiet imraħħsin huma kif ġej: L-adulti, l-anzjani u l-istudenti jħallsu €5.
Tfal taħt it-12-il sena u membri ta’ Heritage Malta jidħlu b’xejn.
Il-passaporti ta’ Heritage Malta mhux se jiġu aċċettati għal dan l-avveniment.