Fil-Knisja ta’ Sant’Ubaldeska f’Raħal Ġdid hemm wirja unika ta’ sitt vari tal-Ġimgħa Mqaddsa li tinżel għasel mad-dilettanti ta’ dan iż-żmien.
L-istatwi huma xogħol l-artist Għawdxi, Joe Cutajar Zahra u jiffurmaw is-sett tradizzjonali tal-vari tal-Ġimgħa l-Kbira.
Id-daqs tal-vari huwa l-aktar element li jagħmilhom uniċi, kif spjegalna sid il-vari Jonathan Cini.
Qal, “Bħala daqs tagħhom huwa prattikament ta’ metru, jiġifieri qed nitkellmu bejn vari żgħar li naraw fil-wirjiet u l-vari l-kbar li joħorġu fil-purċissjoni.”
Ix-xogħol fuq dan is-sett ta’ vari ilu għaddej mill-elfejn u għaxra u jonqsu żewġ vari biex ikun komplut; il-Monument u l-vara tad-Duluri.
Fl-aħħar snin, dawn il-vari kienu jintramaw fil-Kappella tas-Salvatur fil-Kalkara u fil-Berġa ta’ Franza fil-Kunsill Lokali tal-Birgu.
Din hija l-ewwel sena li qegħdin esebiti fil-Knisja ta’ Sant’Ubaldeska f’Raħal Ġdid u l-mod kif intramaw qajjem interess kbir.
Qal, “Għidna isma, ejja nġibuhom waħda, waħda fir-Randan, prattikament bħalma jsir fil-knejjes il-kbar. Saru via sagra kull nhar ta’ Ġimgħa u saru l-eżerċizzji kull nhar t’Erbgħa għal kulħadd. Kienet l-ewwel darba li saru dawn l-attivitajiet f’din il-knisja u ovvjament kienet xi ħaġa li ntlaqgħet tajjeb.”
Is-sid ta’ dawn il-vari kellu appell qawwi għad-dilettanti kollha tal-Ġimgħa Mqaddsa biex dak li ntilef fl-aħħar sentejn minħabba l-pandemija, jiġi rkuprat u anzi jissaħħaħ.
Qal, “Aħna ser inħallu l-wirt lil ta’ warajna u fl-istess ħin inkunu qegħdin inqarrbu lill-pubbliku lejn dawn it-tradizzjonijiet sbieħ tagħna li prattikament huma mifruxin għaliex il-kult tal-Ġimgħa l-Kbira dawn l-aħħar ħamsa u għoxrin sena ħa spinta qawwija jiġifieri dawn l-inizjattivi huma sbieħ u j’Alla nkomplu nkabbru fuqhom.”
F’Ħamis ix-Xirka, il-Knisja ta’ Sant’Ubaldeska se tkun miftuħa bejn id-disgħa ta’ filgħodu u s-siegħa ta’ waranofsinhar; u bejn is-sebgħa u nofs u l-ħdax u nofs ta’ filgħaxija.
L-istess wirja se tkun aċċessibbli fil-Ġimgħa l-Kbira mit-tmienja u nofs ta’ filgħodu san-nofs siegħa, u mis-sitta ta’ filgħaxija sad-disgħa ta’ filgħaxija.