Wara s-suċċess tas-sena li għaddiet, il-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann reġa’ tella’ għall-pubbliku l-Via Sagra lluminata bl-isem ta’ IN LUMINE.
Fiċ-ċirkostanti staordinarji tas-sena li għaddiet, il-pubbliku seta’ jgawdi din il-wirja mill-kumdità tal-karozza iżda minħabba t-tnaqqis fir-restrizzjonijiet wieħed jista’ jiġi bil-pass u jara dawn il-figuri tad-dawl mill-viċin.
B’xogħol artistiku magħmul kollu bl-idejn tal-artist Daniele Armeni bl-għajnuna ta bosta voluntiera attivi fil-Parroċċa u l-għaqdiet volontarji ta’ San Ġwann, wieħed jista’ jidħol fl-ispirtu tal-Ġimgħa Mqaddsa b’mod differenti minn kif nafu bil-wirjiet tradizzjonali.
Il-wirja li qed tittella’ fil-parkeġġ Misraħ Lourdes ma’ ġenb il-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġwann, se tibqa’ mifuħa sal-ġurnata tal-Ġimgħa l-Kbira.
Filwaqt li rringrazzja lill-artisti u l-volunutiera kollha li qed jibqgħu iżommu ħaj l-Ispirtu tal-Ġimgħa Imqaddsa, il-Kunsillier Dominic Cassar stqarr li wirja innovattiva bħal din tkompli ssaħħaħ it-tradizzjonijiet reliġjużi.
Huwa żied jgħid li tħejja programm sħiħ varjat, bil-wirja ta’ din is-sena tkun akbar u wieħed jista’ japprezzaha aktar mill-viċin.
Cassar tenna, “Din is-sena għamilna l-mejda tal-Appostli li fiha tlettax-il figura ta’ Sidna Ġesù Kristu u tnax-il Appostlu. Barra minn hekk għandna din l-istatwa l-oħra li nista’ ngħidilkom li ngħatat mill-istess awtur li ħadem dawn l-affarijiet.”
Is-Sindku ta’ San Ġwann Trevor Fenech esprima s-sodisfazzjon għas-suċċess tas-sena l-oħra fejn irrikorrew għal Via Sagra lluminata bosta nies kemm mill-lokal ta’ San Ġwann u kif ukoll minn barra u ħeġġeġ lin-nies sabiex jattendu bi ħġarhom f’din il-ġimgħa b’importanza tant reliġjuża.
Fenech qal ,“Wara s-suċċess tas-sena l-oħra, in lumine reġa’ lura magħna akbar milli kien. Nirringrazzja lil dawk kollha li żaruna u għamluha suċċess. Nistenna bil-ħerqa li narakom fil-lokalità ta’ San Ġwann ħalli żżuru aktar mill-viċin lejn il-figuri li ppreparajna għalikom.”