L-istorja militari ta’ Malta mal-milja tas-snin qed tiġi esebita f’wirja f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, li tinkludi vetturi oriġinali, replika ta’ tankijiet tal-gwerra, kaxxi tal-hand grenades, tankijiet tal-fjuwil, radji u mezzi ta’ komunikazzjoni ta’ dak iż-żmien, uniformijiet u dokumenti.
Dan kollu jinsab taħt saqaf wieħed fl-MCC fil-belt kapitali.
Hemmhekk, il-kuratur Wayne Grima spjegalna l-milja ta’ żmien li tulu hija mqassma din il-wirja.
“Nibdew minn żmien tal-Operation Husky, imbagħad fin-nofs se jkun hemm Soldier at War. Warajhom se jkun hemm esebizzjoni ta’ helmets u r-Rumani u l-Medjevali.”
Hu semmielna wkoll fost l-aktar oġġetti li jispikkaw f’din il-wirja.
“Hawnhekk hawn wirja ta’ kollox – għandna vetturi militari, radios militari, l-armi u muturi militari, uniformijiet, ritratti, se jkun hawn kollox li kien jintuża fil-gwerra ta’ dak iż-żmien.”
ONE News kien preżenti l-Ġimgħa filgħodu waqt li kienet għadha qed tintrama l-wirja.
Hemmhekk iltqajna mal-kollezzjonist Leonard Azzopardi, li ilu jikkollezzjona affarijiet tal-gwerra minn meta kien tifel ċkejken.
“Hawnhekk għandi libsa ta’ pilot Amerikan kien troop carrier fl-Ewropa, u libsa ta’ pilot Ingliż.”
Ġibed mill-ewwel l-għajn, file ta’ uffiċjal Ingliż li ngħata lil Leonard minn familtu, li juri l-ħajja tiegħu fil-militar b’ritratti, il-ktieb tas-servizz, ittri li rċieva mingħand bintu sakemm serva lil pajjiżu, u kartolini tal-Milied.
“Dak kien radio technician l-Eġittu fi żmien il-gwerra u fih hemm l-ittri li kien jirċievi mingħand il-familja kollha u l-affarijiet li kien juża hemm, bħal dizzjunarju mill-Ingliż għall-Għarbi, mapep, l-affarijiet li kien iżomm kollox fil-file tiegħu.”
Intant, flimkien ma’ din il-wirja, il-Ġimgħa u s-Sibt se jittellgħu żewġ kunċerti b’kanzunetti ta’ żmien l-aħħar gwerra dinjija, bis-sehem tal-Forzi Armati ta’ Malta u l-Goldberg Ensemble, taħt id-direzzjoni ta’ Maestro Jonathan Borg u Maestro Michael Laus rispettivament.
Il-biljetti jistgħu jinxtraw minn fuq showshappening.com jew minn mal-bieb.
Il-wirja se tkun miftuħa l-Ġimgħa filgħaxija sad-disgħa u nofs, is-Sibt mid-disgħa u nofs ta’ filgħodu sad-disgħa u nofs ta’ filgħaxija, u l-Ħadd mid-disgħa u nofs ta’ filgħodu sas-sagħtejn ta’ waranofsinhar.