Fin-Naxxar se tittella’ t-tielet edizzjoni tal-wirja u kompetizzjoni tal-ibbalzmar, mill-Federazzjoni Maltija tal-Ibbalzmar.
Hawn wieħed jista’ jara numru kbir ta’ annimali ta’ kull tip ibbalzmati, minn għasafar bħal falkuni, u anke mammali kbar.
Fuq il-post, ONE News seta’ jara l-preparamenti għal dan l-avveniment, li se jkun qed jittella’ fi Floratorju fin-Naxxar mid-dsatax sal-wieħed u għoxrin t’Awwissu.
Mark Anthony Buhagiar, il-President tal-Federazzjoni Maltija tal-Ibbalzmar spjega ma’ dan l-istazzjon li fil-wirja hemm anke annimali estinti, li ġew maħluqa minn partijiet differenti ta’ annimali slavaġ.
Huwa stqarr kif dawn l-annimali li għexu f’bosta partijiet madwar id-dinja, mhux kollha spiċċaw Malta wara li ġew ikkaċċjati.
Qal, “Hawn uħud minnhom li huma annimali ikkaċċjati,u hemm oħrajn li ġejjin minn parks u zoos, jiġifieri annimali li jkunu imrobbija u jmutu minn kawża normali, li jistgħu jiġu bbalzmati wkoll.”
Intant, wieħed miż-żewġ esperti li se jkunu qed jiġġudikaw din il-wirja, Gilles Becquet, stqarr magħna kif f’pajjiżna l-ibbalzmar qiegħed dejjem iżid fil-kwalità.
Qal, “I’m looking especially for the quality, the general quality of the taxidermy. I’m glad to say that I have seen an incredible increase in the quality of the taxidermy in Malta.”