“Hu Għammar Fostna” hija wirja għal dan iż-żmien, li qed tittella’ fis-sede tal-Għaqda Banda Żejtun minn grupp ta’ voluntiera Żwieten fi ħdan il-Kummissjoni Kultura u Wirjiet u li se tibqa’ miftuħa sal-ewwel ta’ Jannar.
Jiddominaw din il-wirja huma l-Bambini Antiki u xeni tan-Nattività fosthom dawk Naplitani. Ipaxxu l-għajn huma Bambini antiki u tradizzjonali.
Jolqtu l-għajn hemm ukoll presepji bi stili differenti, fosthom wieħed mibni f’qoffa u oħrajn mibnija biz-zkuk tas-siġar. Laqatna wkoll il-ġmiel ta’ dawn il-Bambini li s-Soċjetà Tal-Museum ilha tqassam lit-tfal li jattendu d-Duttrina, f’dawn iż-żminijiet sa mit-twaqqif tagħha 116-il sena ilu.
Hemm figuri li juru eżatt il-proċess ta’ kif jinħadem pastur pass, pass; u xbieha tal-Madonna bil-Bambin fit-terracota flimkien ma’ pittura, it-tnejn maħdumin apposta għal din il-wirja.
Hemm anki dijorama li turi x-xena fqajra tat-twelid tal-Bambin u presepju maħdum ġo kaxxa tal-ħġieġ, ieħor ġo bozza u ieħor li jfakkarna f’San Franġisk li kien minn ta’ quddiem biex irawwem it-tradizzjoni tal-presepju, 800 sena ilu fi Greccio.
Hemm ukoll Bambin bi storja warajh. Imur lura għexieren ta’ snin minħabba li kien instab mitluq ġo armarju meta din is-Soċjetà xtrat is-sede tagħha.
Insibu wkoll presepju maħdum fil-karti filwaqt li ieħor huwa mibni fuq karrettun, imnebbaħ minn stil Malti saħansitra bir-roti imberfla kif konna naraw dari.
Għadd ta’ presepji minn pajjiżi differenti u pasturi tradizzjonali Maltin sabu posthom ukoll f’din il-wirja. Din hija kollezzjoni ta’ Santi u Kartolini antiki tan-Nativitta’.
Christopher Chetcuti tkellem magħna dwar l-importanza tal-voluntiera f’wirjiet bħal dawn.
“Wirja bħal din tittella’ bil-ħidma ta’ bosta voluntiera. Nafu li fil-pajjiż bħalissa hawn nuqqas f’dan il-qasam. Nallaċċjagħha wkoll mal-problema tal-ġerħa tas-solitudni fis-soċjetà, meta bniedem imidd idejh u jidħol f’għaqdiet bħal dawn fejn ikun jista’ juri l-kapaċitajiet tiegħu tgħinnu wkoll jintegra u tgħinnu anki jgħaddi l-ħin man-nies, jitkellem, itella’ xi ħaġa li nies oħra jkunu kapaċi jistgħu jarawha, hija ta’ sodisfazzjon għalih.”
Tkellimna ma’ Edward Bugeja, wieħed mill-voluntiera li jqatta’ ħafna minn ħinu, fi ħdan l-Għaqda. Huwa kellu dan il-messaġġ tal-okkażjoni.
“Nawguraw lill-familji tagħkom il-Milied it-tajjeb u s-sena l-ġdida, ejjew araw dil-wirja, tieħdu pjaċir hawn ħafna x’taraw.”