Fl-inawgurazzjoni tal-Wirja Annwali tal-Bonsai 2017, l-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li hu jqis il-bini tal-Parlament bħala d-dar tal-poplu Malti, li primarjament hu l-post fejn id-deputati -jew aħjar – ir-rappreżentanti eletti mill-poplu, jiltaqgħu biex jiddiskutu temi li jolqtu lis-soċjetà. Kull diskussjoni għandha ssir fid-dawl tal-interessi ta’ pajjiżna bil-għan li jitjieb l-għajxien tal-poplu Malti u Għawdxi.
L-Ispeaker tkellem ukoll dwar din it-tradizzjoni Ċiniża u Ġappuniża li xxerrdet mad-dinja kollha, u li tieħu ħsieb it-tkabbir ta’ siġar żgħar f’kontenituri. Din it-tradizzjoni tiġbor fiha mħabba lejn in-natura, il-pjanti, u s-siġar, kif ukoll is-sengħa tat-trobbija ta’ siġar żgħar u l-espressjoni artistika tal-individwu.
L-Ispeaker faħħar il-ħidma ta’ Bonsai Culture Group (Malta) – ħidma favur spazji ta’ siġar f’ambjent urban, u l-inizjattiva biex il-ġonna f’pajjiżna jinżammu f’qagħda tajba għall-bniedem li jsib il-mistrieħ fin-natura. Semma l-kollaborazzjoni bejn Bonsai Culture Group (Malta) u Malta Argotti Resource Centre fl-Università ta’ Malta, fl-istudju tal-botanika f’pajjiżna. Anġlu Farrugia rringrazzja lill-membri ta’ Bonsai Culture Group għas-sehem tagħhom fil-qasam filantropiku, li apparti li jgħinu liż-żgħar tas-soċjetà, jgħinu wkoll biex tikber is-solidarjetà.
Il-pubbliku mistieden iżur din il-wirja fl-intrata tal-Parlament fi tmiem din il-ġimgħa, bejn il-Ġimgħa 26 ta’ Mejju sal-Ħadd 28 ta’ Mejju 2017, bejn id-9 ta’ filgħodu u l-5 ta’ waranofsinhar.