Ilbieraħ ġiet inawgurata wirja tal-arti msemmija Malta. Land of Sea, li qiegħda tittella’ fiċ-Ċentru tal-Belle Arti BOZAR fi Brussell.
Din il-wirja tiffoka fuq il-karatteristiċi ta’ pajjiżna, b’enfasi fuq il-baħar li jdawwar il-Gżejjer Maltin, u fiha qed jintwerew ‘il fuq minn sittin biċċa tal-arti, kif ukoll oġġetti ta’ wirt kulturali Malti, kemm klassiku kif ukoll kontemporanju.
Dawn ix-xogħlijiet, li qed jippromwovu lill-pajjiżna u l-poplu Malti bħala territorju li huwa kemm tal-art u tal-baħar, ġejjin ‘il fuq minn għoxrin mużew, istituzzjonijiet kulturali, u NGOs differenti f’Malta,b’kollaborazzjoni bejniethom, flimkien mal-Kunsill Malti għall-Arti u Heritage Malta.
Fost diversi xogħlijiet f’din il-wirja, hemm esebit biċċa arti li tirifletti l-periklu li jiffaċċjaw l-immigranti biex jaqsmu l-baħar Mediterran.
Matul din l-istess wirja qiegħed jiġi wkoll imfakkar għeluq il-50 sena mill-proposta oriġinali ta’ Malta għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar.
Il-Ministru Bonnici indirizza l-udjenza waqt din l-inawgurazzjoni tal-wirja Malta. Land of Sea billi rrimarka li l-baħar l-jdawwar il-Gżejjer Maltin jgħaqqadna bejnietna ‘lil hinn mill-fruntieri tal-pajjiżi. Huwa kompla billi fakkar li l-Belt Valletta se tkun il-Belt Kapitali Ewropea fis-sena 2018, u llum qed naraw l-artisti Maltin attivi fl-livelli ogħla minn qatt qabel.
Saħaq li l-Gvern qed jaħdem bis-sħiħ biex jipprovdi dejjem aktar opportunitajiet lill-artisti Maltin, anke fuq livell internazzjonali. Huwa stqarr li l-programm għall-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal dan l-avveniment ukoll jixhed l-impenn ta’ Malta fil-qasam kulturali.
L-Ambaxxatur Malti għall-Belġju Ray Azzopardi qal li hija l-missjoni tagħna li nwasslu l-messaġġ tal-importanza tar-reġjun tal-Mediterran għall-paċi u l-prosperità tal-Ewropa. Huwa wkoll importanti li bħala Ewropej inħarsu lejn il-wirt storiku li jgħaqqadna bħala Ewropej biex flimkien infasslu l-ġejjieni tal-Ewropa.