Fil-Palazz tal-President f’Sant Anton giet miftuħa wirja tal-arti li l-għan tagħha huwa li turi kemm xogħlijiet artistiċi jistgħu jservu biex juru s-sbuħija fejn wieħed ma jkunx qed jistenna, u kemm l-artisti kapaċi jesprimu ruħhom permezz tal-arti, biex minn xi ħaġa kerha joħorġu aspetti sbieħ.
It-tema ta’ din il-wirja ‘But I See Beauty’, ġiegħlet lill-artisti jkunu iktar kreattivi sabiex joħolqu biċċiet tal-arti, minn elementi, li mhux dejjem huma kkunsidrati bħala sbieħ, li saħansitra jweġġgħu l-għajn.
Ix-xogħlijiet artistiċi għall-wiri jvarjaw minn skulturi, fotografija, pitturi, prints u biċċiet oħrajn.
Il-wirja se tibqa miftuħa sat-23 ta’ Ottubru, u wieħed jista’ saħansitra jixtri dawn ix-xogħlijiet artistiċi bil-għan li jinġabru aktar fondi b’risq il-Fondazzjoni Malta Comunity Chest Fund.
ONE News tkellem mal-Eċċellenza Tiegħu, il-President ta’ Malta dwar l-iskop ta’ din il-wirja.
Qal, “Din hija wirja ta’ arti, miġbura minn numru ta’ artisti li nirringrazzjahom minn qalbi, taw dawn ix-xogħlijiet ħalli jiġu mibjugħa ħalli jinġabru l-flus għall-iskop tal-Malta Community Chest Fund Foundation. Fiha żewġ għanijiet, l-ewwel nett aħna nixtiequ nippromwovu ħafna t-talenti u min-naħa l-oħra għan ieħor huwa li jinġabru l-flus ħalli nkomplu jkollna moħħna mistrieħ li kull meta jkollna min jiġi biex jitlob ħalli jiġi mgħejjun dwar mard jew inkella problemi soċjali, l-MCCF issib xi tqassam u għalhekk inħeġġeġ lil min huwa interessat li jiġi s’hawnhekk, jara l-esebiti li hawn u jekk jiddeċiedi jixtri minnhom.”