L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Anġlu Farrugia, flimkien mal-Ministru responsabbli għall-Edukazzjoni, Clifton Grima, attendew għall-inawgurazzjoni ta’ eżebizzjoni tal-arti organizzata mill-istudenti tal-Kulleġġ Sant Injazju fil-Parlament ta’ Malta, bit-tema ‘Il-governanza ambjentali u soċjali għal żvilupp sostenibbli’.
Fid-diskors tiegħu l-Ispeaker tkellem fuq l-importanza tad-demokrazija parteċipattiva filwaqt li faħħar ix-xogħol impressjonanti taż-żgħażagħ. Huwa rrimarka li f’dan ix-xogħol “wieħed jilmaħ simboli ta’ sofferenza umana u l-karba għall-paċi, għar-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem, għall-ġustizzja, u biex il-bniedem jgħix b’dinjità”.
Huwa fakkar kif fil-Parlament qed isiru attivitajiet informali fosthom diskussjonijiet, wirjiet tal-arti, u bosta aktar. Dawn qed isiru flimkien mas-soċjetà ċivili, għaqdiet nazzjonali, l-iskejjel, u awtoritajiet u entitajiet pubbliċi, biex tqajjem diskussjonijiet fuq l-isfidi u l-problemi, bil-għan li tittieħed azzjoni mill-awtoritajiet konċernati, Dan kollu qed isir fl-interess nazzjonali.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clifton Grima faħħar ix-xogħol iddedikat li sar minn naħa tal-istudenti tal-kulleġġ ta’ Sant Injazju. Huwa qal li l-arti hija parti integrali mis-sistema edukattiva għax tesprimi l-perspettivi tal-istudenti u għalhekk għandna nkomplu nippromwovuha.
Il-wirja se tibqa’ miftuħa sal-Erbgħa, 12 ta’ April.