Ecce Mater Tua’, ‘Hemm hi Ommok’ hija wirja tal-arti li qed titella’ fis-sede tas-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju tal-Imqabba.
L-istatwi maħdumin fit-tafal mill-iskultur Joseph Cutajar Zahra jissimbolizzaw diversi personaġġi bibbliċi u mumenti mill-passjoni u l-qawmien mill-mewt ta’ Sidna Ġesu Kristu.
Fost dawn insibu l-adorazzjoni fl-ort ta’ Ġetsemani, Kristu tradut minn Ġuda, it-tisliba u r-rebħa ta’ Ġesu’ fuq il-mewt fost oħrajn. Jikkumplimentaw dawn wieħed isib ukoll sett ta’ 12-il profetà.
Fil-parti l-oħra tal-istess wirja, wieħed jista’ japprezza kollezzjoni ta’ pitturi magħmulha miż-żejt fuq it-tila oriġinali tal-pittur Kurt Friggieri. Fost dawn nsibu x-xbieha ta’ Maria Addolorata fl-isfont tal-Golgota, wiċċ Kristu fit-tbatija u t-twaqqif tal-Ewkaristija. Ma’ dawn tinsab għall-wiri wkoll pittura b’xejra differenti ta’ Maria Omm Ġesu maħduma fi stil monochrome.
Tkellimna ma’ Kurt Friġġieri dwar x’kompożizzjoni jkun jixtieq li joħroġ speċjalment f’dawn iż-żminijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa.
“Trid tkun element sagru, u li twassal messaġġ biex għallinqas turi t-tbatija li bata għalina Sidna Ġesu Kristu. Dawn iż-żminijiet huma element ta’ ġabra allura tkun trid toħroġ dik l-kompożizzjoni sagra li inti, l-artist, li inti titlob quddiemha din il-pittura, dik il-kompożizzjoni li nkun irrid noħroġ.”