Il-gallerija tal-arti Gemelli fil-Villaġġ tal-Artiġġjanat f’Ta’ Qali qed tilqa’ wirja pubblika mill-artist Kurt Friggieri bl-isem ‘Melitae’, ‘Malta’ bil-Latin.
L-esebizzjoni, li se tibqa’ miftuħa sal-31 ta’ Marzu, kienet fuq moħħ l-artist min qabel il-pandemija u, f’dawn l-aħħar xhur, beda xogħol fuq diversi pitturi li b’kollox hemm mat-22 li juru siltiet mill-istorja ta’ Malta u Għawdex.
Dawn jinkludu purċissjonijiet tradizzjonali tal-Ġimgħa l-Kbira u ċelebrazzjonijiet reliġjużi bħal Corpus. Il-pitturi jinkludu wkoll veduti u sqaqien tipiċi Maltin.
L-iskop prinċipali ta’ Friggieri hu li, permezz tal-arti tiegħu, iqanqal nostalġija lil dawk li kienu jgħixu fi żminijiet mgħoddija.
L-esebizzjoni, li toffri opportunità lill-pubbliku jsegwi arti tradizzjonali Maltija, tkun miftuħ mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn id-9:00 ta’ filgħodu u t-3:00 ta’ wara nofsinhar, filwaqt li s-Sibtijiet se tkun miftuħa mill-10:00 sa nofsinhar.