Devozzjoni, Arti u Kultura…..dawn huma t-temi li Circolo San Giuseppe Filarmonika Sagra Familja jixtiequ jwasslu permezz tal-Wirja Sancte Joseph. Wirja ta’ statwi f’minjatura dwar San Ġużepp u s-Sagra Familja. Din il-wirja qed tittella’ bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-125 Sena mit-twaqqif tal-istess Soċjetà. Il-ftuħ uffiċċjali tal-Wirja ser isir il-Ħadd 1 ta’ Mejju, festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem, mill-President Onorarju tas-Soċjetà s-Sur Joe Mizzi.
”F’din il-wirja xtaqna nesprimu d-devozzjoni….għax nemmnu li dawn l-istatwi ikunu fil-qalba tad-djar tagħna u min jaf kemm forsi sar talb quddiemhom fis-skiet tad-dar. Xtaqna nesprimu ukoll l-arti għax kull waħda minn dawn l-istatwi f’minjatura hija opra tal-arti ta’ materjal, daqs, għamla jew ħsieb differenti. Apparti minn ekk irridu nesponu l-kultura għax nemmnu li l-maġġoranza tad-dilettanti tal-festa kollha jafu l-bidu tagħhom lejn din in-namra permezz ta’ xi statwa f’minjatura li kellhom fi djarhom. Apparti minn hekk niċċa mill-Festa Maltija li forsi ftit nagħtu kasha hija propju l-armar tat-twieqi tad-djar tagħna bix-xbiha tal-qaddis padrun.”
ANDREEW CILIA – PRESIDENT CIRCOLO SAN GIUSEPPE FILARMONIKA SAGRA FAMILJA
Din il-wirja qed titella’ bil-għajnuna tal-Fondazzjoni Kottonera u ser tkun miftuħa sa nhar l-Erbgħa 4 ta’ Mejju fis-Sala Loretu Mintoff fis-sede tac-Circolo San Giuseppe Filarmonika Sagra Familja, Kalkara.