Mix-xewk joħroġ il-ward u għalkemm il-ħajja xi kultant ittik bettija morr u pinta ħelu xorta trid tibqa’ pożittiv għall-ġejjieni.
Propju l-familja Theuma li fil-ġimgħat li għaddew rat bidla drastika f’ħajjitha wara li d-dar li kellha f’Ħal Luqa nqerdet bin-nar, issa qed tara l-ġest nobbli minn għadd ta’ dilettanti tal-presepji.
Joe Theuma li flimkien ma’ martu ġew salvati minn ħalq il-mewt, ta kontribut qawwi għall-presepji f’Malta.
Ma setax jonqos allura li bosta wirjiet f’dawn iż-żminijiet ta’ festi qed jiftakru f’dak li ta ħajtu għall-presepju Malti.
Fost dawn hemm il-Każin ta’ Santa Liena f’Birkirkara.Eric Busuttil spjega kif “Wara kollox hu kien wieħed mill-ikbar esponenti ta’ presepji f’Malta u għadu u allura t-tradizzjoni li ħawwel anke fostna hija tista’ tgħid rigal li ntuh lura, hu dmir tagħna li ntuh lura, dan ir-rigal żgħir milli nistgħu talli hu propju kkontribwixxa ħafna għal din it-tradizzjoni li hija sabiħa ħafna fi żminijiet il-Milied ġewwa Malta.”
Apparti li spikkaw il-pasturi fil-każin f’Birkirkara, hekk ukoll spikka presepju mdaqqas li nħadem għall-ewwel darba.
Borg qal “Il-preparamenti bdew f’Settembru, il-presepju huwa magħmul mill-jablow, kolla bajda bit-tissues u ġibs. Kif għedt inti qed ixomm din ir-riħa għaliex użajt ħxejjex naturali bħal oregano, li jħalli ħafna riħa u nassoċja din ir-riħa mal-Milied u mal-presepju.”
Din il-wirja se ddum miftuħa sas-sitta ta’ Jannar li ġej.