Mal-ħamsin elf pjanta u dokumenti oriġinali dwar l-istruttura tal-librerija nazzjonali jinsabu fl-istess binja bħala parti minn wirja li hija miftuħa għall-pubbliku.
Id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi Stephen Bonello qal kif dawn id-dokumenti jmorru lura għal żmien il-Kavallieri.
“Lejn l-aħħar tal-2018 ġejna avviċinati mill-bibjoteka nazzjonali biex flimkien issir proġett fejn il-pjanti u dokumenti oħra tal-bibjoteka nazzjonali jiġu kkonservati, isir digilitisation tagħhom u wara jiġu esebiti għall-pubbliku.” Qal Bonello.
Din il-wirja qed issir wara li dawn il-pjanti, li qabel kienu jinsabu fl-arkivji tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi ġew restawrati u issa se jiġu ppreservati b’mod diġitali.
Fl-inawgurazzjoni, il-Ministru Josè Herrera qal kif għall-ewwel darba dan il-Gvern qed jaħdem biex ikollu ċentru tal-għola livell li fih se jkollu l-arkivji nazzjonali kollu.
Il-Ministru Herrera qal,”L-arkivji huma importanti daqs kwazi oġġett ieħor li jaqa’ taħt il-partimonju għaliex jirrispekjaw il-memorja komuni tal-pajjiż. Ma jistax ikollok patrimonju mingħajr ma tippreserva l-memorja nazzjonali u l-memorja nazzjonali nsibuha fl-arkivji.”
Il-Ministru Ian Borg faħħar ix-xogħol li qed jagħmel id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi f’dan is-settur imma wkoll fuq proġetti oħra.
“Il-public works li huwa wieħed minn l-eqdem dipartimenti tal-gvern, wieħed li dejjem kien importanti u nħarsu ‘l quddiem għal proġetti oħra li se jkomplu jagħmlu dan id-dipartimenti relevanti, b’mod partikolari l-ikbar proġetti ħadrani tal-pajjiż dak li se nkunu qed nagħmlu l-malta national park.” Stqarr il-Ministru Borg.
Il-wirja se tibqa’ miftuħa waqt il-ħinijiet tal-ftuħ tal-librerija sas-16 ta’ April, u d-dħul huwa b’xejn.