Casino Notabile fis-Saqqajja qiegħed ikun imlibbes b’wirja ta’ arti ipperealista minn żewġ artisti.
“Through the veins of the artist” hija t-tema tal-wirja bil-ħsieb warajha ikun dak tad-dettal fl-arti.
Il-wirja kienet miftuħa mill-President ta’ Malta fejn ammira x-xogħol tal-artisti, kif ukoll kien preżentat b’donazzjoni b’risq l-Istrina.
Tkellimna ma’ Mark Muscat u Francesca Attard, iż-żewġ artisti li qed itellgħu t-tieni wirja flimkien.
Mark Muscat innota kif il-ħidma fuq din il-wirja bdiet minn Jannar li għadda, bil-proċess jibda mill-għażla tas-suġġetti.
Muscat tenna, “Bdejna naħdmu għaliha bażikament minn Jannar, għażilna s-suġġetti flimkien u bdejna npinġu sakemm intellgħu s-setup u kollox. Kollox dwar arti fuq realiżmu fejn fiha għandna arti arkitettonika, portraits, annimali u arti sagra.”
Francesca Attard, żgħażugħa ta’ dsatax-il sena, produċiet arti b’differenza fejn ħadet ritratti tagħha li traduċiethom f’arti permezz tal-lapes.
Din l-arti ġiet inkorporata f’arti sagra fejn Attard għamlet xbiehat tal-Madonna.
Hija spjegatilna x’jirrigwardja dan il-proċess.
Attard saħqet, “Mela nibdew nagħżlu s-suġġetti tagħna, niġbdulhom ir-ritratti u nadattaw id-dawl għaliha. Sempliċiment naqra drapp pereżempju noqogħdu attenti ta’ kif inlibbsu l-mudell u niġbdu r-ritratt kif inhu bil-kompożizzjoni mill-bogħod imbagħad niġbdu d-dettalji tagħhom.”
Il-wirja li hija kkurata mill-kuratriċi ta’ esperjenza Valentina Lupo ser tkun miftuħa għal pubbliku sal-aħħar tas-sena.