Għal ħafna snin, id-Dipartiment tal-e-Learning fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni għax-xogħol u taħriġ kien jorganizza wirja magħrufa bħala EMBED, bl-idea li aktar nies ikunu jafu dwar it-teknoloġiji edukattivi u l-użu tagħhom fil-klassi.
Waqt li din kienet importanti, speċjalment fi żmien meta bdew deħlin teknoloġiji ġodda, id-Dipartiment tal-e-Learning li issa huwa magħruf bħala tal-Litteriżmu Diġitali qed jagħfas aktar fuq il-ħtieġa li kemm l-istudenti kif ukoll l-għalliema jużaw dawn il-mezzi ġodda b’mod tajjeb u effettiv u dan sabiex jikkontribwixxu għall-bosta ħiliet edukattivi kif ukoll jilħqu l-kompetenzi diġitali tas-seklu 21.
Fid-21 u 30 ta’ Marzu, id-Dipartiment tal-Litteriżmu Diġitali taħt it-tmexxija tas-Sur Emanuel Zammit flimkien mal-Kulleġġ San Benedittu taħt it-tmexxija tas-Sur Paul Debono qed jorganizza Wirja ta’ Litteriżmu diġitali fl-Iskola Medja tal-Kulleġġ San Benedittu. Din l-attivita’ hija miftuħa għall-istudenti tal-year 5, kif ukoll numru ta’ studenti oħra mill-iskola Medja u Sekondarja. F’din il-wirja li fil-fatt hija aktar esperjenza ta’ tagħlim, hemm `il fuq minn 10 workshops differenti li jinkludi fost oħrajn Robotics kif ukoll użu ta’ numru ta’ apps u riżorsi diġitali oħrajn li jsaħħu l-ħiliet edukattivi tat-tfal kif ukoll jagħmluha possibbli li jsir tagħlim li mhux possibbli jsir mingħajr dawn l-għodod edukattivi.