Il-Qrendi huwa raħal qadim bi storja ferm akbar minnu. Fil-fatt biżżejjed wieħed iħares lejn it-tempji megalitiċi ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra biex jifhem li hawn qed nitkellmu fuq spazju li jmur lura aktar minn 7,000 sena, bl-ewwel referenza għall-Casal Grande tidher fuq kartografija tal-gżejjer Maltin li ġġib id-data tal-1419. Madankollu ir-raħal tipiku tal-Qrendi mhuwiex biss it-tempji preistoriċi, imma huwa wkoll sensiela ta’ punti ta’ riferimenti storiċi li flimkien jagħmlu damma ta’ ġrajjiet minsuġa fi spazju u żmien partikolari.
Fost dawn bla dubju jispikka s-Santwarju ddedikat lill-Madonna tal-Ħniena li jinsab fil-parti tal-Qrendi magħrufa bħala ta’ Ħal Lew, li flimkien mal-parti l-oħra magħrufa bħala Ħal Manin, fl-1618 ġew dikjararti mill-Isqof Baldassare Calgiares bħala l-parroċċa tal-Qrendi ddedikata lit-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija.
Is-santwarju li hemm illum inbena fl-1650, wara li l-kappella li kien hemm qabel ġiet dekonsagrata minn Monsinjur Pietro Dużina waqt waħda mill-viżti appostoliċi tiegħu fl-1575.
Is-Santwarju fil-fatt serva għal għadd ta’ snin bħala l-viċi parroċċa taż-Żurrieq, u kien punt ta’ riferiment għal devoti tal-Madonna minn madwar Malta kollha. Il-kappella, li kienet ukoll magħrufa bħala Chiesa della Misericodia tikkonsisti fi tlett artali u kor tal-injam miftuħ fuq il-bieb ewlieni tal-Kappella. Il-perjodu li fih reġgħet inbniet il-kappella jimmarka żmien importanti fl-istorja ta’ pajjiżna.
Fuq naħa għandek l-impatt li ħalla l-Assedju l-Kbir fuq il-pajjiż li ta dimensjoni ġeo-politika ġdida lill-Malta u d-dinja magħrufa ta’ dak iż-żmien, u fuq in-naħa l-oħra l-espansjoni kulturali fil-forma ta’ knejjes u palazzi li bħal mera rriflettew il-kundizzjoni u x-xejra pożittiva li minnhom kien għaddej il-poplu f’dan iż-żmien. M’għandniex xi ngħidu, il-qofol ta’ din l-attivita’ dehret l-aktar fuq l-għolja Xiberrras, li aktar ‘il quddiem saret il-belt Valletta, madankollu, bliet u rħula oħra qajl qajl bdew jittieħdu minn dan il-moviment kulturali ġdid u kkontribwew biex huma wkoll jieħdu parti minn dak li kien għaddej fuq livell nazzjonali.
Fil-fatt fl-1668, il-kappella tal-Madonna tal-Ħniena żdieditilha estensjoni li bdiet isservi ta’ sagristija. Din is-sagristija għandha s-saqaf tagħha forma ta’ bettiegħa, filwaqt li fiha wieħed jista’ jammira xogħol ta’ lavur intrikat fil-ġebla li fost l-oħrajn jirrappreżenta l-armi tal-kunjomijiet tal-Balliju ta’ Brandenburg u ta’ Fra Von Guttenburg, it-tnejn benefatturi ta’ dan is-Santwarju.
Il-pittura ta’ fuq l-artal maġġur tirrappreżenta lill-Madonna bil-Bambin bil-qiegħda fuq il-qamar bl-anġli madwarha, filwaqt li fin-naħa t’isfel tal-kwadru fuq il-lemin hemm ix-xbiha ta’ San Gejtanu u ta’ żewġt erwieħ tal-purgatorju fuq ix-xellug. Il-kwadru huwa xogħol tal-pittur famuż Malti Ġużeppi D’Arena.
Sadanittant il-Kappella tgawdi minn għadd ta’ xogħlijiet elaborati ta’ arti oħra li jirrappreżentaw stadji differenti fl-iżvilupp ta’ dan is-santwarju u l-inħawi tal-madwar. Dan huwa evidenti l-iżjed fil-kollezzjoni ta’ kwadri ex voto li jirrakkuntaw bl-iżjed mod realistiku l-ħajja fiż-żmien meta tpittru.
Fil-fatt, filwaqt li mhux kollha huma ta’ livell artistiku għoli, dawn il-kwadri huma xhieda tal-ħajja tal-poplu Malti li kienet iddur mat-twemmin, il-familja u x-xogħol bħala ċiklu wieħed b’ħafna lwien. Tipiċi ta’ dawn il-kwadri huma l-ġrajjiet ta’ mard u fejqan li għaddew minnhom il-fidili bl-interċessjoni tal-Madonna, u d-diffikultajiet li wħud sabu ruħhom fihom waqt maltempati fuq il-baħar. Fuq kollox din il-kollezzjoni ta’ ex voto hija espressjoni diretta ta’ ħajr lil Alla permezz ta’ Marija.
Ma jistax jonqos li hawn tissemma’ wkoll il-loġġa forma ta’ (L) li tinsab fuq in-naħa ta’ barra tas-Santwarju. Din kienet isservi ta’ lqugħ mill-elementi għall-pellegrini li kienu jaslu fl-inħawi minn postijiet imbegħda. Iz-zuntier elaborat huwa mdawwar b’sottobank b’balavostri baxxi u wesgħin li jkompli jagħti sens ta’protezzjoni u devozzjoni lil dan il-post Marjan.
Kien f’loku li f’għeluq l-400 sena parroċċa, il-kumitat organizzattiv itella’ wirja b’uħud mill-kwadri ex voto fil-Kappella-Santwarju tal-Madonna tal-Ħniena. Ta’ min wieħed jgħid li bħalissa s-santwarju jinsab magħluq jistenna li jsirlu r-restawr li tant jeħtieġ.
Għaldaqstant din hija okkażjoni unika hekk kif għal din l-okkażjoni s-Santwarju se jiftaħ bibienu għal din il-wirja wara snin twal magħluq. Il-ftuħ tal-wirja se jsir nhar it-Tnejn 3 ta’ Settembtru fis-7:30 pm u l-wirja tibqa’ miftuħa fil-għaxijiet sad-9 ta’ Settembru, festa tal-Madonna tal-Ħniena. Il-Kumpanija Casapinta Design Group qiegħda ġentilment tisponsorja l-wirja.