F’dawn iż-żminijiet ta’ Milied u li fih il-kattoliċi jfakkru t-twelid ta’ Ġesu, huwa sinonimu li fid-djar, il-ħwienet u l-Knejjes ikun hemm il-preżenza ta’ bambin f’maxtura.
Huwa fatt magħruf li l-Maltin u l-Għawdxin josservaw bil-kbir din it-tradizzjoni tal-bambini li huma ta’ kull għamla u tip.
Fil-fatt, il-mużew tal-Kolleġjata ta’ Birkirkara bħalissa qed jiġbor taħt saqaf wieħed numru ta’ bambini bi storja rikka warajhom minn madwar 10 kolletturi privati.
Uħud mill-bambini jmorru lura għal mijiet ta’ snin u li ġejjin minn pajjiżi magħrufa għalihom bħall-Italja u Spanja.
Fil-mużew, li huwa post fejn hemm għall-wiri wkoll l-affarijiet antiki li għandhom x’jaqsmu mal-istorja ta’ din il-Knisja, tkellimna mal-Prepostu Arċipriet ta’ Birkirkara Monsinjur Louis Suban u li fisser x’sinifkat storiku għandha din il-wirja.
“Varjetà ta’ bambini, jiġifieri hawn bambini tal-injam, xemgħa, ġibs, kull kwalità u anke l-etajiet tagħhom. Għandna l-eqdem wieħed li huwa proprjetà tal-knisja u li dejjem huwa permanenti f’dan il-mużew, huwa tal-1600 u l-oħrajn jibqgħu ġejjin sa l-1920-30.”
Louis Suban – Prepostu, Birkirkara
Monsinjura Suban tkellem ukoll dwar bambin partikolati.
“Huma kollha għandhom storja, imma wieħed partikolari huwa bambin ċkejken tal-injam illi fl-1737 kien meħud Betlehem u poġġewh fil-post fejn twieled Ġesu. Allura imbagħad il-Kustodja tal-Art Imqaddsa għamlet ċertifikat illi dan ittieħed hemmek u ta’ min kien dejjem żammu b’għożża għaliex mess il-post fejn twieled Ġesu f’Betlehem.”
Louis Suban – Prepostu, Birkirkara
Il-wirja għandha miftuħa sal-5 ta’ Jannar. Matul il-ġimgħa bejn is-sitta u nofs u t-tmienja u nofs ta’ filgħaxija u s-Sibt u l-Ħadd bejn id-disgħa u nofshinar.
Fil-Milied u l-ewwel tas-sena u l-għada l-wirja se tkun magħluqa.