L-artist żagħżugħ Għawdxi Jonathan Cefai tella’ l-ewwel wirja tiegħu permezz ta’ aktar minn tletin biċċa ta’ arti, fil-Banca Giuratale fi Pjazza Indipendenza, fir-Rabat Għawdex.
Bl-isem ta’ ‘Omm’, din hi l-ewwel wirja artistika tiegħu u biha qed ipaxxi l-għajn ta’ dawk kollha li jżuruha. Il-pitturi huma kollha fuq it-tila u jinvolvu l-arti sagra Marjana, bħall-Kunċizzjoni u t-Tlugħ tal-Madonna fis-Sema.
Il-wirja se tibqa’ miftuħa sal-għada tal-Milied, mit-Tnejn sal-Ġimgħa mis-7.30 ta’ filgħodu sas-2.30 ta’ waranofsinhar, bis-Sibtijiet, il-Ħdud u l-festi pubbliċi mid-9:00 ta’ filgħodu sa nofsinhar.
Dan l-istazzjon tkellem ma’ Jonathan Cefai li qalilna kif din il-kollezzjoni hi ferm għal qalbu.
“Kull min jiġi jżur din il-wirja se jara kollezzjoni ta’ 32 biċċa xogħol mir-repertorju ta’ xogħlijiet tiegħi. Hi kollezzjoni ta’ xogħlijiet t’arti sagra kontemporanja li bnejt il-biċċa l-kbira f’dawn l-aħħar sentejn u huma għal qalbi ħafna u fihom pprovajt noħroġ jien min jien u l-imħabba u d-devozzjoni li għandi lejn Marija.”
Artist, Jonathan Cefai