Fil-Kalkara qed issir wirja ta’ armar antik tal-festi, li f’dari kien jintrama imma llum m’għadux jintuża.
Din il-wirja bl-isem ta’ Ġieħ l-Imgħoddi qed issir miċ-Circolo San Giuseppe Filarmonika Sagra Familja flimkien mal-Fondazzjoni Kottonera.
Żorna din il-wirja biswit il-każin tal-banda, fejn iltqajna mas-Segretarju tal-Każin Joseph Mintoff.
Mintoff spjega, “Il-wirja tikkonsisti f’armar antik, li kien jintrama fil-festi tal-Kottonera u anki ta’ Ħaż-Żabbar għax daħħalna ta’ Ħaż-Żabbar, u li issa m’għadux jintuża.”
Ma’ dawn hemm ukoll armat ta’ San Ġorġ tar-Rabat, Għawdex, bħal statwi u pavaljuni antiki, li magħhom iġorru storja.
Din il-wirja għaqdet flimkien lis-soċjetajiet tal-baned kollha fil-Kottonera.
Hu rrimarka, “L-armar ovvjament, anki jekk tarah, jidher li huwa antik, m’għadux jintrama assolutament, però għadu ppreservat ukoll.”
Din il-wirja qed issir fl-okkażjoni tal-mija u ħamsa u għoxrin anniversarju mit-twaqqif tal-banda fil-Kalkara.
Għal dan l-anniversarju qed isiru diversi attivitajiet. Fi żmien il-festa se jkunu mistiedna diversi baned biex idoqqu fil-festa ta’ San Ġużepp.