Tkompli l-avventura tat-tim nazzjonali Malti tal-waterpolo ta’ taħt il-15-il sena fil-kampjonati Ewropej. Malta ilbieraħ ġiet megħluba 14 bi 8 mill-qawwa ta’ Spanja madankollu t-tim Malti wera li hu kapaċi jagħti sfida lil kwalunkwe nazzjon ieħor wara l-wirja qalbiena li pproduċa.
Il-pressjoni fl-ewwel sessjoni kienet kbira tant li Spanja rebħet 5-1 bl-uniku gowl tal-Maltin jiskurjaħ Cain Cutajar. Għalkemm it-tim Malti beda jikkontrolla aħjar fit-tieni sessjoni, Spanja xorta kienu ddominanti u kabbru l-vantaġġ għal 8-2. It-tieni gowl tal-Maltin wasal permezz ta’ Zak Cutajar Licari.
Spanja rrepetew l-istess skor fit-tielet sessjoni, jiġifieri ta’ 3-1 bl-uniku gowl tal-Maltin f’din is-sessjoni jerġa’ jasal minn Zak Cutajar Licari permezz ta’ penalty.
It-tim Malti, taħt il-gwida ta’ Anthony Farrugia, baqa’ jissielet anke fir-raba’ sessjoni fejn hawnhekk Malta rebħet is-sessjoni 5-3. Malta skurjat permezz ta’ Jayden Cassar, Cain Cutajar, doppjetta ta’ Zak Cutajar Licari u penalty ta’ Julian Chircop għal skor finali ta’ 14 bi 8. Zak Cutajar Licari spiċċa l-aħjar skorer għal Malta b’erba gowls.
Malta terġa’ tkun fl-azzjoni illum kontra l-Ġeorġja għal klassifikazzjoni bejn it-13 u 16 il-post.