F’partita minn Grupp B ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej ta’ taħt il-21 sena, wirja qalbiena mit-tim nazzjonali Malti ta’ din il-kategorija ma kinitx biżżejjed, hekk kif safa megħlub mill-Ungerja bl-iskor strett ta’ 2-1.
B’hekk Malta tilfet il-11-il logħba li lagħbet f’dan il-grupp diffiċli li jinkludi wkoll lil Spanja, il-Belġju, l-Iskozja u l-Kazakstan fejn skorja biss erba’ gowls u sofra xejn inqas minn 29 gowl.
Malta terġa’ tkun impenjata f’konfront ieħor diffiċli din id-darba kontra Spanja barra minn darna nhar it-Tlieta li ġej fil-5pm.
L-Ungeriżi għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mal-ftuħ tal-partita u fis-seba’ minuta Barna Benczenleitner kellu x-xutt tiegħu mill-viċin li għadda barra.
Il-Maltin wieġbu ħames minuti wara permezz ta’ freekick insidjuż tal-ispeċjalista Mattia Veselji li ġie salvat parzjalment mill-goalkeeper Ungeriż Armin Pecsi, biex mir-rebound Isaiah Chukunyere tefa’ barra.
Iżda mill-azzjoni li segwiet fuq in-naħa l-oħra tal-pitch sekondi biss wara, kienu l-Ungerija li fetħu l-iskor permezz ta’ ANDRAS NAMETH li minn pożizzjoni ideali ma ħafirx.
Huma komplew fuq l-offensiva u fl-20 minuta Gyorgy Konaroni mill-viċin falla l-mira.
Kulma jmur kompla d-dominju tal-Ungeriżi u ħames minuti wara irduppjaw l-iskor meta Barna Benczenleitner provda l-assist lil ZSOMBOR GRUBER li b’xamma kbira għall-goal tefa’ l-ballun wara l-goalkeeper Malti, Hugo Sacco.
Kienet meħtieġa reazzjoni mmedjata mill-Maltin u din waslet proprju fil-ftuħ tat-tieni taqsima meta fit-48 minuta rebħu penalty meta l-goalkeeper Pecsi wettaq foul fil-kaxxa fuq Kurt Bondin, u kawża t’hekk ġie wkoll ammonit. Mill-11-il metru inkariga ruħu ANDREA ZAMMIT, li ma żbaljax hekk kif permezz ta’ xutt b’saħħtu tefa’ l-ballun naħa u lil Pecsi n-naħa opposta.
Huma komplew ikunu avventurużi u jipproduċu logħob sabiħ u fit-78 minuta, Mattia Veselji kellu l-konklużjoni tiegħu minn ġol-kaxxa tintemm barra.
Madankollu, l-Ungeriżi komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Mervan Bejtullahu (Kosovo)