Wirja qalbiena ma kinitx biżżejjed għat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena, hekk kif safa megħlub mit-tim nazzjonali tal-Belġju tal-istess kategorija bl-iskor ta’ 2-0, biż-żewg goals għall-Belġjani jaslu fit-tieni taqsima.
Għalkemm il-Belġjani ħolqu iktar okkażjonijiet ta’ skor, il-Maltin għarfu jikkontrollaw tajjeb lill-avversarji tagħhom tul id-90 minuta, fejn li kieku kienu iktar preċiżi fl-attakki tagħhom, setgħu anke saħansitra jsibu x-xibka.
Kienu l-Belġju li ħolqu l-ewwel periklu fid-disa’ minuta meta wara li rċieva ballun fit-tul minn nofs il-ground, Arne Engels, kellu daqqa ta’ ras taħbat mal-wieqfa, bil-goalkeeper Malti, Hugo Sacco, megħlub għal kollox.
Huma komplew fuq l-offensiva u mal-kwarta logħob, wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner, daqqa ta’ ras ta’ De Winter ġiet salvata f’corner bi bravura minn Sacco għalkemm ir-referee mill-Bulgarija, Dzmitriy Dzmitriyeu, kien tal-opinjoni li ma kien hemm ebda senjalazzjoni ta’ corner.
Il-Maltin wieġbu fil-31 minuta, permezz ta’ xutt minn barra l-kaxxa tal-captain Andrea Zammit, li ġie salvat minn mal-art mill-goalkeeper tal-Belġju, Marten Vandevoordt.
Il-Belġju resqu viċin li jiftħu l-iskor fil-55 minuta meta Malick Fofana kellu xutt angulat minn ġol-kaxxa li mpenja sew lil Sacco.
Malta wieġbet ħames minuti wara permezz ta’ xutt angolat fil-baxx minn pożizzjoni ideali, li ġie mdawwar f’corner minn
Il-partita kompliet tisbieħ u fis-67 minuta, il-Belġjani ħolqu azzjoni perikoluża permezz ta’ xutt fil-baxx ta’ Olaibi kważi minn tarf il-kaxxa li għadda ftit barra.
Huma komplew jippressaw u żewġ minuti biss wara, Sylla jkellu daqqa ta’ ras minn taħt il-lasta li għaddiet ftit barra.
Kulma jmur kompla d-dominju assolut tal-Belġjani u fil-71 minuta, Fofana xeħet cross li sab lil Mataso li ra t-tentattiv tiegħu jintemm barra,
Huma komplew jassedjaw il-lasti avversarji u żewġ minuti wara, wara li rċieva minn cross fil-baxx, Engels, kellu x-xutt mill-ewwel fil-baxx tiegħu salvat minn mal-art minn Sacco.
L-isforzi tal-Belġjani ġew ippremjati fil-75 minuta, meta huma fetħu l-iskor, meta wara li dar tajjeb ma’ player avversarju, is-sostitut Kazeem Olaigbe, minn pożizzjoni ideali, spara l-ballun fix-xibka.
Huma ssiġillaw ir-rebħa permezz tat-tieni goal proprju fid-90 minuta permezz ta’ freeeck b’saħħtu minn tarf il-kaxxa ta’ ARNE ENGELS li ma ta l-ebda ċans lil Sacco.