Hekk kif dan iż-żmien marbut mal-Għid jattira l-entużjażmu mid-dilettanti Maltin, fid-Dar tal-Providenza qed tiġi esebita wirja unika, li qed turi l-passjoni ta’ Kristu f’forma ta’ presepju.
ONE News żar din il-wirja, li nħadmet kollha b’materjal riċiklat, minn affarjiet li li ngħataw lid-Dar tal-Providenza bħala donazzjoni, u anke skart.
David Muscat, li huwa d-Direttur tad-Drama fi ħdan id-Dar tal-Providenza, stqarr kif din il-wirja serviet bħala opportunità sabiex ir-residenti jkunu involuti fiha b’mod attiv.
Fil-fatt dan l-istazzjon ra lil tnejn mir-residenti jieħdu sehem fil-wirja permezz ta’ kostumi.
David stqarr kif għalkemm il-wirja mhix miftuħa kompletament għall-pubbliku, wieħed xorta jista’ jaraha filwaqt li jikkontribwixxi għal għan ġust.
Qal, “Din is-sena minħabba l-pandemija, il-pubbliku ma jistax jiġi jaraha, imma ovvjament min jiġi jagħti donazzjoni hawn mhux se ngħidulu le. Hija miftuħa proprju għall-istaff u għar-residenti tad-Dar tal-Providenza imma ħassejna li dan il-kapolavur li għandna, li kif tafu inthom ukoll huwa magħmul minn affarjiet riċiklati għandna nagħtuh ukoll imbuttatura.”
Ir-resident Kris Gregory stqarr kif dawn l-attivitajiet fi żmien il-festi, kienu, għadhom u jibqgħu għal qalbu.
Qal, “Ħassejtni ħafna kburi fil-play. Qisha terapija u r-reċta meta tidħol fiha tkun tixtieq tagħmel iżjed u iżjed.”