L-isketch tal-karru, il-karru nnifsu u tractor, il-kolla magħmula mid-dqiq u l-ilma, li wara tissajjar fuq in-nar, it-tafal komuni, li dari kien jinġabar mill-għelieqi biex bih isiru il-forom tal-karrijiet u l-maskri, il-kapsuna u l-maskra. Dawn huma li jagħmlu karru fil-Karnival Malti.
Tistħajlek qed tara karru trijonfali fit-toroq tal-Belt Valletta fl-aqwa tiegħu f’nofs l-isfilata. Imma din hi minjatura tal-karru tar-Re tal-Karnival, maħdum apposta għal wirja ta’ karrijiet magħmula mit-tfal li daħlu għal kompetizzjoni mtellgħa minn Kenneth Caruana fid-dar ta’ Norman Hill, magħruf aktar bħala ‘ċ-Ċiċċo’, li għomru u żmienu qattgħu iħabrek għall-Karnival ta’ Malta.
Ir-Re tal-Karnival li jiddomina din il-wirja bit-tema ‘L-Ilma ħelu jħobbu, iż-żrinġ u l-qabru kemm jiddevertu’, jippreżentalna l-iljun fuq dahar il-qabru li kull ma jmur qed jinqered u r-Re tal-Karnival ferħan fuq dahar iż-żrinġ, li bħall-granċ tal-ilma ħelu, il-qabru, hu protett mil-liġi.
Din hi l-kapsuna li tkun mgħottija mill-maskra u li tinkesa doppju karta kannella, wara doppja karta tal-gazzetta jew magazines u mbagħad kisja b’karta bajda biex ix-xogħol ikun irfinut, qabel ma jingħata ż-żebgħa li tista’ tkun matta jew tleqq, b’ħafna waqtiet b’ilwien jgħajtu.
Jispikka wkoll il-mudell tal-prinjolata li għalkemm finta qisha bħal tistiednek biex tieħu gidma minnha.
Ma tistax tonqos tislima mistħoqqa lill-mibki Pawlu Curmi ‘l-Pampalun’, li rawwem fin-neputi tiegħu, Norman Hill, l-imħabba profonda lejn il-Karnival ta’ Malta. Laqatna mudell ta’ karru maħdum mill-organizzatur ta’ din il-kompetizzjoni Kenneth Caruana, li ħoloq minjatura ta’ karru maħdum minn Pawlu Curmi nnifsu fl-1977, bit-tema ‘It-tliet amigos’.
Ipaxxi l-għajnejn hu l-mudell ta’ karru maħdum fl-1987, tal-kumpanija ta’ Chris Caruana, bit-tema ‘Nitlaħalħu t-tnejn, jiena ta’ skuna u int tal-ġerrej’.
L-għan ta’ din il-kompetizzjoni tal-Valletta Junior Carnival li ttellgħet għall-ewwel darba hu li t-tfal ta’ bejn il-ħamsa u tnax-il sena jkunu mħeġġin jibnu karrijiet tal-Karnival, bil-għan li din is-sengħa artistika ma tmut qatt.
Kenneth Caruana stqarr magħna minn fejn nibtet l-idea li jorganizza din il-kompetizzjoni għat-tfal u wara tittella’ wirja.
Stqarr, “Dik kont qed niġġogja, kont miexi u ltqajt ma’ Norman. Għedtlu Norman norganizzaw wirja għat-tfal? Qalli iva ta, u bdejna minn hemm biex nagħmlu kompetizzjoni, għat-talent tat-tfal Beltin u bqajna mexjin sakemm wasalna llum s’hawn.”