Wirja fotografika se tkun qed iddur f’diversi nħawi tal-pajjiż, sabiex turi wħud mill-proġetti li saru jew qegħdin isiru bl-appoġġ tal-Unjoni Ewropea.
Il-wirja għandha l-għan li tipprovdi informazzjoni interessanti u aġġornamenti lill-pubbliku ġenerali dwar dawn il-proġetti, filwaqt li żżid ukoll l-għarfien dwar kif il-fondi Ewropej għenu liċ-ċittadini Maltin bejn l-2014 u l-2020.
Sittax-il proġett qegħdin jiġu ppreżentati f’din il-wirja, fosthom proġetti ambjentali bħal ma huma l-proġetti tal-immaniġġjar tar-riżorsa tal-ilma u tar-rijabilitazzjoni ta’ Wied Fulija, proġetti tat-titjib fit-network tat-toroq biex jiġi indirizzat it-traffiku, proġetti kulturali bħal ma huma tal-MUŻA u s-Sacra Infermeria, proġetti soċjali u ħafna oħrajn.
Il-kampanja ta’ informazzjoni dwar proġetti ffinanzjati minn fondi Ewropej ġiet imnedija mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi fil-promenade ta’ Birżebbuġa.
B’pannelli warajh li juru diversi proġetti minn oqsma differenti ffinanzjati minn fondi Ewropej, is-Segretarju Parlamentari qal li l-għan ta’ din l-inizjattiva huwa li ninfurmaw lin-nies dwar kif qed jintefqu l-miljuni ta’ ewro li pajjiżna qed jirċievi mill-Unjoni Ewropea,
Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi qal, “Huwa mod kif aħna nuru fejn il-miljuni ta’ ewro li kiseb pajjiżna marru u kif dawn il-proġetti qegħdin jagħmlu differenza fil-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin. Dawn huma wħud mill-proġetti li saru iżda huma wkoll wirja ta’ kif aħna qegħdin ninvestu f’dan il-pajjiż biex pajjiżna jibqa’ miexi ’l quddiem anki permezz ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea.”
Fuq medda ta’ seba’ snin, pajjiżna gawda minn biljun ewro f’fondi Ewropej.
Il-kampanja ‘Europe In My Region’ hija inizjattiva ta’ komunikazzjoni implimentata madwar l-Unjoni Ewropea kollha, bl-għan li turi u tippromwovi proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea mwettqa f’pajjiżi differenti madwar l-Ewropa.
L-istati membri jorganizzaw attivitajiet u joħolqu għodod differenti biex iċ-ċittadin ikun infurmat b’dak li qed jitwettaq permezz tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej.
F’Malta l-kampanja hi mmexxija mill-Awtorità ta’ Ġestjoni għall-Fondi Ewropej u l-wirja se tkun ukoll f’Wied il-Għajn, f’Tas-Sliema, fil-Qawra, fil-Birgu, fir-Rabat, fl-ajruport f’Ħal Luqa, fir-Rabat Għawdex u fil-Belt.