‘Jiddefendu l-libertajiet tagħna – 30 sena tal-Premju Sakharov’ huwa proġett dokumentarju li jixħet dawl fuq erba’ attivisti tad-drittijiet tal-bniedem mill-Bożnija Ħerżegovina, Kambodja, Etjopja, u t-Tuneżija.
Kull wieħed ippreżentat mil-lenti ta’ fotografu tal-aġenzija ta’ fama internazzjonali Magnum Photos, li għandha uffiċċji f’ Londra, Pariġi u New York, il-wirja tipprovdi vjaġġ li jdaħħal lil dak li jkun fil-ħajja ta’ kuljum ta’ dawn l-eroj li qajla smajna bihom.
Il-wirja ġiet murija f’ diversi bliet kbar Ewropej, fosthom Vjenna, Milan, Londra, u Ġinevra. Issa, ix-xogħol ta’ dawn l-erba’ fotografi qed jintwera’ l-Belt Valletta, il-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2018, fil-Parlament ta’ Malta, sal-25 ta’ Novembru 2018.
Dan huwa riżultat ta’ kollaborazzjoni bejn l-Uffiċċju ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew u l-Parlament ta’ Malta. Il-wirja qed tfakkar it-30 sena tal-Premju Sakharov għal-Liberta’ tal-Ħsieb. Il-premju jiġi mogħti kull sena mill-Parlament Ewropew lill-individwi u organizzazzjonijiet għall-kontribut eċċezzjonali tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem.
Id-dħul huwa b’xejn. Irid jintwera’ dokument ta’ identità biex jingħata aċċess.