Wirja ta’ oġġetti storiċi mill-perjodu tal-preistorja Maltija, li kienet qed tittella’ fl-Olanda f’dawn l-aħħar xhur, kienet ta’ suċċess tant li ġibdet aktar minn ħamsa u sebgħin elf viżitatur.
Il-wirja, bl-isem ta’ ‘Temples of Malta’, saret bejn l-aħħar ta’ Mejju u tmiem Ottubru fil-Mużew Nazzjonali tal-Antikitajiet tal-Olanda.
Id-direttur ta’ dan il-Mużew apparti li semma kemm Malta għandha x’toffri f’dan il-qasam, spjega kif grazzi għal din il-wirja, il-mużew kellu wieħed mill-aqwa perjodi tiegħu f’dawn l-aħħar għaxar snin mill-aspett ta’ viżitaturi.
Qal, “Malta was also important for us beacuse of the culture, but also of the possible objects to work together. For instance there is a small Egyptian collection in the National Museum in Valletta.”
Għal din il-wirja, Heritage Malta bagħtet aktar minn disgħin oġġett storiku kif ukoll mudelli ta’ sitt tempji.
L-oġġetti kienu jinkludu tiżjin ta’ tempji, għodod, fuħħar dekorat u statwetti, fosthom statwetta ċkejkna li kienet instabet fit-Tempji ta’ Ħal Tarxien li turi żewġ persuni mgħannqin.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Noel Zammit qal li pajjiżi oħra kellhom l-opporunità jsiru jafu aktar dwar Malta.
Spjega, “Kollaborazzjonijiet bħal dawn jgħinuna biex inkomplu nagħmlu aċċessibbli iktar il-wirt kulturali tagħna. Flok qiegħed aċċessibbli ġol-mużew f’Malta u l-Belt qegħdin nesportawh lejn pajjiżi oħra.
L-Ambaxxatur Malti għall-Olanda, Mark Pace semma kif dan huwa mod ta’ kif in-nies minn pajjiżi differenti jkunu jafu dwar il-kultura ta’ xulxin.
Qal, “Hemm ukoll dak li ngħidulu l-people to people contact, jiġifieri n-nies taż-żewġ pajjiżi jsru jafu lil xulxin bl-aħjar mod huwa billi jiskopru l-kultura ta’ xulxin.”