Fil-Parlament Ewropew fi Brussell, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, flimkien mal-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba, niedew wirja artistika li tiċċelebra l-festa Maltija wara li għadha kem ġiet rikonoxxuta uffiċjalment bħala Wirt Intanġibbli tal-Umanità mill-UNESCO.
F’din il-wirja qed jiġu esposti bandalori bl-emblemi u ritratti mill-folklor u l-istorja Maltija, bħas-Salib ta’ Malta, u elementi mill-Ordni tal-Kavallieri, flimkien ma’ oġġetti ta’ valur tradizzjonali oħrajn. Twaħħlu wkoll żewġ screens li fuqhom qed jintwerew filmati ta’ mumenti ta’ kif tkun festa Maltija.
F’diskors tal-okkażjoni, il-Ministru Bonnici spjega li 14-il soċjetà marbuta mal-festa Maltija qed jipparteċipaw f’din il-wirja li tispeċifika fuq parti tanġibbli mill-kultura ta’ pajjiżna.
Din il-wirja, li qed tittella’ mid-direttur artistiku Antoine Farrugia, se toffri esperjenza daqslikieku wieħed qiegħed jimxi minn triq ta’ xi raħal jew belt f’pajjiżna mżejna f’dak iż-żmien tal-festa. Il-wirja se tibqa’ għaddejja sal-11 ta’ Marzu 2024.