Fil-MUŻA tnediet wirja ta’ pitturi tal-artist Malti Giorgio Preca.
Dan wara li x-xogħlijiet tiegħu nġiebu f’Malta minn Ruma aktar kmieni din is-sena, wara li ġew mislufa lil Heritage Malta mill-familja tal-artist.
Giorgio Preca kien meqjus minn bosta artisti ta’ wara l-gwerra bħala wieħed mill-aqwa esponenti lokali tal-arti moderna, jekk mhux l-aqwa wieħed fosthom.
Huwa qatta’ parti sostanzjali minn ħajtu f’Ruma, fejn ġibed l-attenzjoni ta’ entitajiet internazzjonali. Matul il-karriera tiegħu kien dejjem lest jieħu sogri u jesprimi ruħu bil-lingwa artistika individwali tiegħu, anke jekk il-pubbliku Malti ħafna drabi ma kienx lest għal din l-innovazzjoni.
Meta kien jgħix f’pajjiżna, bosta artisti lokali kienu jħarsu lejh bħala figura ewlenija li tmexxi ’l quddiem spirtu Modernista ġdid.
F’konferenza tal-aħbarijiet li mmarkat l-inawgurazzjoni ta’ din il-wirja, ONE News tkellem man-neputija ta’ Giorgio Preca, Aurora Preca hekk kif iddeskrivitilna fi ftit kliem lil nannuha.
“He represented Malta in several art works even in some imaginative art works. So I think this is a great occasion to come and visit this creative exhibition.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Noel Zammit aċċenna għall-wirja immersiva li tħejjiet biex tikkumplimenta l-istil modernista ta’ Preca.
“Dan dejjem sabiex inkissru dik il-barrier li teżisti speċjalment f’wirjiet ta’ arti li ġeneralment jattendu għalihom min jifhem ftit fl-arti. Le din id-darba għamilna wirja anzi, esperjenza li hija addattat għal kulħadd sabiex kulħadd ikun jista’ jifhem l-arti.”
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera faħħar lil Heritage Malta talli għamlet possibbli din il-wirja b’xogħlijiet ta’ Giorgio Preca, meqjus bħala wieħed mill-pijunieri tal-arti moderna f’Malta.
Huwa qal li l-wirja miftuħa sa Frar li ġej, toffri opportunità stupenda biex wieħed jistudja xogħlijiet ġodda kif ukoll l-iżvilupp artistiku ta’ artist importanti li s’issa għadu ma ngħatax l-unur li jixraqlu.
“Jiena nemmen li iktar ma jgħaddi żmien iktar dan l-artist se jassumi rwol importanti fl-istorja artistika ta’ pajjiżna.”