Iċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta b’kollaborazzjoni ma’ China Arts and Entertainment Group qed jippreżenta wirja dwar iż-Żodijaku Ċiniż li tiffoka fuq il-Fenek, is-sinjal taż-żodijaku ta’ din is-sena. Din il-wirja għandha l-għan li tippromwovi l-fehim tal-kultura tradizzjonali taċ-Ċina u l-konnessjonijiet tagħha mat-turiżmu lokali.
Iż-Żodijaku Ċiniż huwa simbolu kulturali folkloristiku uniku tan-nazzjon Ċiniż. L-oriġini tiegħu tmur lura għal żminijiet antiki, u b’hekk illum, huwa mogħni b’akkumulazzjoni ta’ tifsir kulturali li tiġi espressa permezz tal-poeżija, il-pittura, il-kalligrafija, l-arti u s-snajja’ tradizzjonali.
Leġġenda antika tiddeskrivi kif iż-Żodijaku Ċiniż daħal fis-seħħ. Kollox ġara meta l-Imperatur l-Isfar, figura influwenti ferm fil-kultura Ċiniża, iddeċieda li jagħżel tnax-il annimal bħala gwardji tal-qorti tiegħu. Huwa sejjaħ lil kull annimal fuq l-art imma tnax biss dehru f’din l-ordni: far, barri, tigra, fenek, dragun, serp, żiemel, mogħoża, xadina, serduk, kelb u ħanżir. Minn dakinhar ‘il quddiem, kull sena lunari bdiet tiġi assoċċjata ma’ annimal minnhom.
Skont liema sena jitwieldu fiha, in-nies huma maħsuba li jiksbu l-istess karatteristiċi tas-sinjal taż-żodijaku tagħhom. Il-fenek, li jikklassifika r-raba’ fiż-Żodijaku tradizzjonali Ċiniż, huwa magħruf li hu intelliġenti, kwiet, sabiħ, innoċenti u vivaċi. Jissimbolizza l-armonija tal-familja, ir-riunjoni tar-raġel u l-mara, ħafna tfal u barkiet.
Il-wirja turi diversi elementi ta’ kif iż-Żodijaku tal-Fenek jiġi trażmess f’bosta aspetti kulturali ta’ reġjuni differenti Ċiniżi. Illustrazzjonijiet ikkuluriti juru kif dan il-wirt għani jiġi mwassal permezz tal-ħolqien ta’ kostumi u żfin, opra, disinji fuq id-drapp tal-ħarir, ċeramika, fanali, lapsijiet, qtugħ tal-karti, ħelu tal-festa, u lampi tad-dqiq tal-fażola.
Din il-wirja se tkun miftuħa fiċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’173 Triq Melita Valletta sal-aħħar ta’ April, u id-dħul hu bla ħlas.
Min hu interessat jattendi bħala grupp għandu jibbukkja minn qabel fuq events2023ccc@gmail.com.